L-abbozz ta’ liġi dwar il-kannabis li qed ikun imbuttat mill-gvern hi mossa mgħaġġla u serviet biss biex tqanqal aktar mistoqsijiet milli tagħti tweġibiet jew soluzzjonijiet. Id-diskussjoni s’issa kienet karatterizzata minn dubji serji dwar ir-raġunijiet wara d-determinazzjoni tal-gvern li jgħaddi dan l-abbozz bis-saħħa qabel l-elezzjoni ġenerali li jmiss, u dwar ir-riperkussjonijiet li din ir-riforma se jkollha fuq is-soċjetà Maltija.

Il-prinċipju tal-UHM Voice of the Workers hu li tkun kontra kull politika li se tippromwovi l-vizzji – mhux biss il-kannabis. Madankollu, peress li l-gvern għandu l-intenzjoni li jillegalizza l-użu ta’ din id-droga għal “skop rikreattiv”,  kull min fil-prinċipju huwa kontra ukoll għandu rwol x’jaqdi. Wara kollox, kulħadd għandu jkollu għal qalbu l-ġid komuni tas-soċjetà, għalkemm fil-prattika dan jista’ jfisser opinjonijiet opposti.

L-ewwelnett, dan l-abbozz ta’ liġi beda fuq sieq ħażina. Minkejja l-appelli minn NGOs fosthom esperti fil-qasam tal-vizzji biex il-gvern iħares lejn ir-riċerka u jitgħallem mill-iżbalji li saru f’pajjiżi oħra, iddeċieda li jagħmel ta’ rasu. Dan l-aħħar, l-espert Skoċċiż Sir Robin Murray kien Malta u wissa li fil-Portugall il-każijiet ta’ psikożi żdiedu b’10 darbiet wara l-legalizzazzjoni tal-Cannabis fl-2001.

Id-dibattitu s’issa kien karatterizzat ukoll minn silenzju assolut min-naħa tal-gvern jekk mhux impressjonijiet żbaljat. Huwa fatt li ħadd ma qed jispiċċa l-ħabs għax pejjep joint. Minkejja dan, l-Abbozz ta’ Liġi qed jiġi mpinġi minn xi wħud bħala miżura li tħares liż-żgħażagħ milli jispiċċaw f’xi ċella. Dan huwa kompletament żbaljat peress li dan m’għadux possibbli wara r-riforma tad-droga tal-2015, u anki qabel il-Qorti ma kinitx tapplika sanzjoni ta’ ħabs fuq pussess sempliċi ta’ kannabis.

Il-kwistjoni vera f’din il-kontroversja hi din: Qed ngħixu f’soċjetà li se tippromwovi l-użu tad-droga (kannabis) bħala forma ta’ rikreazzjoni, filwaqt li fl-istess ħin qed nonfqu miljuni kull sena fil-prevenzjoni u biex nikkuraw il-vittmi ta’ vizzji serji. Din l-assurdità ħarġet fil-beraħ ftit jiem ilu waqt l-inawgurazzjoni mill-Prim Ministru ta’ faċilità ġdida tal-Caritas għal żgħażagħ li għandhom il-vizzju tad-droga. Dan l-Abbozz ta’ Liġi joħloq kunflitt mal-politika tal-gvern stess kontra t-tipjip u l-abbuż mill-alkoħol. Ikun interessanti li kieku nisimgħu l-opinjoni ta’ xi social worker li jaħdem fost dawk li jbatu minn kull forma ta’ vizzju. Din ir-riforma hi daqqa ta’ stallett jew pass fid-direzzjoni t-tajba? Il-verità hi li din ir-riforma se sservi biss biex jiġi normalizzat l-użu tal-kannabis, biex b’hekk jiġi promoss l-użu tad-droga direttament jew indirettament fost il-membri vulnerabbli tas-soċjetà, partikularment it-tfal u ż-żgħażagħ. Diversi studji wrew li l-użu tal-kannabis jaffetwa l-moħħ filwaqt li jżid ir-riskju ta’ problemi ta’ saħħa mentali.

Aspett ieħor li s’issa jidher li mhux qed jittieħed bis-serjetà mill-gvern hu l-impatt fuq l-impjiegi. Kif ser nimxu ma’ ħaddiema li jiġu għax-xogħol taħt l-influwenza tal-kannabis? Se jkun hemm kategoriji fejn se jsiru eċċezzjonijiet? Fejn ser naqtgħu linja? Xi ngħidu dwar l-effetti tal-withdrawal symptoms li jistgħu jkunu perikolużi daqs il-kannabis stess?

Fl-aħħar mill-aħħar, l-għaġla tal-gvern biex jgħaddi din ir-riforma sal-aħħar ta’ din il-leġiżlatura hija ta’ tħassib serju. X’inhi l-ħtieġa li tgħaddi l-liġi qabel ma mmorru nivvotaw? Il-gvern qed iħares biss lejn il-voti? Ir-riforma għandha l-iskop ewlieni biex taġevola settur tal-elettorat filwaqt li qed ninsewx kompletament il-konsegwenzi fuq is-soċjetà? Mhux biżżejjed ħallasna qares prezz għal deċiżjonijiet żbaljati? Għaliex se nerġgħu nagħmlu l-istess żball?