Tnaqqis fil-pagi tal-irġiel bejn l-2018 u l-2020
Is-salarju bażiku gross medju annwali ta’ Malta żdied b’€140 biss bejn l-2018 u l-2020 iżda l-ħaddiema rġiel sofrew tnaqqis fid-dħul ekwivalenti għal €308 fis-sena. Dan it-telf fid-dħul ġie kkumpensat b’żieda ta’ €750 fil-pagi annwali tal-impjegati nisa.
Dawn iċ-ċifri ħarġu minn studju pubblikat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li analizza indikaturi ewlenin fid-demografija, is-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni, l-ekonomija, it-trasport, it-turiżmu, l-agrikoltura, is-sajd u r-riżorsi ta’ Malta.
Jirriżulta li fuq perjodu ta’ sentejn mill-2018 sal-2020 il-paga bażika medja żdiedet minn €18,773 fis-sena għal €18,913. Dan l-ammont jirrappreżenta d-dħul qabel it-taxxa u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u jeskludi s-sahra, il-bonuses u l-allowances.
L-istatistika tal-NSO tidħol f’aktar dettall u tagħti analiżi reġjonali tas-salarji medji annwali li minnhom jirriżulta li fl-2020 ħaddiema li jgħixu fir-reġjun tal-punent (Ħad-Dingli; Ħal Balzan; Ħal Lija; Ħ’Attard; Ħaż-Żebbuġ; L -Iklin; L-Imdina; L-Imtarfa; Ir-Rabat; Is-Siġġiewi) qalgħu l-ogħla salarji annwali b’€20,845. Dan l-ammont huwa sostanzjalment ogħla miċ-ċifra rispettiva għall-inqas reġjun klassifikat – in-nofsinhar tal-Port il-Kbir (Bormla; Il-Fgura; Floriana; Ħal Luqa; Ħaż-Żabbar; Il-Kalkara; Il-Marsa; Raħal Ġdid; Santa Luċija; L-Isla; Ħal Tarxien; Valletta; Il-Birgu; Ix-Xgħajra) fejn il-paga medja annwali bażika kienet ta’ €17,362 – diskrepanza ta’ €3,483 fis-sena jew €290.25 fix-xahar.
Minn analiżi aktar dettaljata li saret minn Voice of the Workers Weekly ħarġu diskrepanzi reġjonali kbar fil-paga annwali bażika f’sentejn biss. F’dan il-perjodu ħaddiema rġiel fir-reġjun tat-Tramuntana (Ħal Għargħur; Il-Mellieħa; L-Imġarr; Il-Mosta; In-Naxxar; San Pawl Il-Baħar) sofrew tnaqqis drastiku fid-dħul bażiku tagħhom, minn €21,338 fl-2018 għal €19,104 fl-2020 li jfisser tnaqqis ta’ €2,234 fis-sena jew 10.5%. Madankollu, ħaddiema nisa fl-istess reġjun kellhom tnaqqis ferm iżgħar biċ-ċifra annwali rispettiva tkun ta’ €295. L-NSO ma tagħti l-ebda raġuni għal din ix-xejra, għalkemm huwa mifhum li l-Covid-19 kellu impatt speċjalment għall-ħaddiema fl-industrija tat-turiżmu, tal-bejgħ bl-imnut, tal-catering u tad-divertiment. Għalkemm il-ħaddiema rġiel kellhom tnaqqis fis-salarju bażiku annwali tagħhom fir-reġjuni kollha ħlief fil-port tan-Nofsinhar, dan kien ferm aktar limitat u varja bejn €44 f’Għawdex u €659 fir-reġjun tal-Punent.
Interessanti hu l-fatt li l-ħaddiema nisa marru ferm aħjar peress li l-uniċi li kellhom tnaqqis fid-dħul kienu dawk fir-reġjun tat-tramuntana u fit-tramuntana tal-Port il-Kbir.
Għalkemm ir-rapport tal-NSO ma jkoprix l-2021, dawn iċ-ċifri ma jawgurawx tajjeb għall-ħaddiema peress li din ix-xejra inkwetanti ħabtet maż-żieda qawwija fl-għoli tal-ħajja. Konsegwentement, is-saħħa tal-infiq kienet qed titnaqqar fuq żewġ aspetti – prezzijiet ogħla u dħul aktar baxx.
It-tabella hawn taħt li tiddeskrivi l-varjazzjonijiet reġjonali fil-paga bażika medja bejn l-2018 u l-2020.
Diff 2018-2020 | Males € | Females € | Total € |
Malta and Gozo | – 308 | 750 | 140 |
Malta (exc Gozo) | – 343 | 694 | 98 |
Southern Harbour | 751 | 1,345 | 941 |
Northern Harbour | – 27 | – 143 | – 64 |
South Eastern | – 110 | 3,103 | 1,240 |
Western | – 659 | 603 | – 247 |
Northern | – 2,234 | – 295 | – 1,257 |
Gozo and Comino | – 44 | 1,531 | 656 |