Tħejjijiet għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew
L-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew huma inqas minn xahrejn ‘il bogħod. F’dawn l-elezzjonijiet, iċ-ċittadini se jkunu mitluba jivvotaw sabiex jeleġġu membri ġodda tal-Parlament Ewropew, li fl-aħħar mill-aħħar se jirrappreżentaw l-interessi f’wieħed mill-istituzzjonijiet prinċipali tal-UE.
L-elezzjonijiet li ġejjin, li se jsiru fl-istati membri kollha tal-UE bejn it-23 u s-26 ta’ Mejju (fil-25 ta’ Mejju f’Malta), se jkunu l-ewwel li se jsiru wara t-tluq ta’ stat membru mill-UE; id-data ppjanata għall-Brexit hi d-29 ta’ Marzu 2019, u b’riżultat ta’ dan in-numru ta’ parlamentari se jonqos minn 751 sa 705 għall-ħames snin li ġejjin.
Bi tħejjija għal dawn l-elezzjonijiet importanti, iċ-ċittadini qed ikunu inkoraġġiti mhux biss jeżerċizzaw id-dritt demokratiku tagħhom biex jivvotaw, imma wkoll biex jagħmlu għażla informata billi jkunu konxji ta’ dak li se jivvotaw.
Dan hu l-qofol tal-kampanja thistimeimvoting.eu, immexxija mill-Parlament Ewropew. Il-kampanja qed issejjaħ liċ-ċittadini Ewropej biex imexxu l-kelma fost il-komunitajiet f’livell lokali u nazzjonali dwar l-importanza li wieħed ikun jaf dwar diversi avvenimenti u attivitajiet li qed isiru fil-pajjiż rispettiv tagħhom u wkoll madwar l-Ewropa.