L-aħħar attentat mill-ministri tal-intern Ewropej biex jaslu għal ftehim dwar politika komuni fuq l-immigrazzjoni, qabel ma jsiru l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, sfaxxa għall-aħħar. 

Seba’ abbozzi differenti dwar riforma fil-politika tal-immigrazzjoni fl-Ewropa ilhom fuq il-mejda tan-negozjati għal dawn  l-aħħar tliet snin. Matul dan il-perijodu, il-ministri tal-intern tal-UE tqabdu kemm felħu fuqhom. Imma ma kinux kapaċi jaslu għal ftehim u kkonkludew kull diskussjoni bl-istess diska: trid issir xi ħaġa. Iżda, ma jsir xejn. 

Ir-regolament l-antik ta’ Dublin, li  jistipula li l-pajjiż tal-ewwel wasla hu responsabbli għal immigrant, għadu liġi applikabbli. Għalkemm kważi l-ministri tal-intern tal-UE kollha jaqblu li r-regola m’għadhiex taħdem – għalkemm jagħtu diversi raġunijiet għaliex jaħsbu hekk – għad iridu jiġu b’soluzzjoni aħjar.  

Politika konġunta tal-immigrazzjoni u l-ażil li tkun applikata minn kulħadd falliet biex timmaterjalizza. Rappreżentanti nazzjonali ammettew b’mod uffiċjali li ma jistgħux jaslu għal ftehim u b’din l-ammissjoni qed jagħtu wisa’ lil-Lemin Estrem biex isaħħaħ il-munizzjon tiegħu. Il-partiti populisti qed  jisfruttaw dan is-suġġett emozzjonanti tal-immigrazzjoni meta jkunu qed iqanqlu lill-votanti tagħhom filwaqt li jikkritikaw l-inabbilta’ tal-UE biex issib soluzzjoni għal din  il-kriżi ftit xhur il bogħod mill-elezzjoni f’Mejju. 

Kif inhuma l-affarijiet bħalissa, l-UE m’għandha xejn x’toffri fuq il-politika tal-immigrazzjoni. Il-kriżi tal-immigrazzjoni, li  l-Lemin  Estrem qed jitkellmu fuqha, ma teżistix bħalissa. Tant hu hekk li n-numru ta’ wasliet fl-Ewropa naqsu drastikament. 

Madankollu l-UE mhix ippreparata għal xi influss ta’ immigranti. Sabiex inkunu drammatiċi iżjed, il-pajjiżi Ewropej mhumiex ippreparati għal xi gwerra ċivili, kriżi tal-ġuħ jew għal immigranti li jħallu djarhom minħabba l-bidla fil-klima. Analisti tar-relazzjonijiet internazzjonali jisħqu li dan huwa skandlu li dan huwa l-każ ftit ġimgħat biss qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Ma  tkunx sorpriża li l-partiti populisti u dawk kontra l-UE jiggwadanjaw siġġijiet. 

Kummentaturi dwar l-UE jistqarru li t-test ta’ veru se jasal fi tmiem is-sena meta l-UE tinnegozja d-distribuzzjoni tal-budget għall-għaxar snin li ġejjin. Wieħed jistaqsi: l-istati membri li jieħdu aktar immigranti, se jieħdu aktar flus?  U dawk li ma jieħdu xejn, se jkunu kkastigati billi jieħdu inqas?