Il-UĦM Voice of the Workers titlef persuna rispettabbli
Tħabbret il-mewt ta’ Jimmy Briffa, eks Segretarju tat-Taqsima tas-Saħħa fi ħdan il-UĦM. Hu kellu 73 sena.
Jimmy kien bniedem rispettabbli, ġeneruż u dejjem kien jistinka biex jgħin lil ħaddieħor. Bħala professjoni hu kien infermier u b’dedikazzjoni kbira kien jieħu ħsieb il-pazjenti fl-Isptar Monte Karmeli. Is-Sur Briffa kien wieħed mill-ewwel membri tal-UĦM, tant li ilu jimmilita fit-trejdunjoniżmu għal aktar minn 40 sena.
Qabel ma ssieħeb fil-UĦM, Jimmy Briffa kien membru fil-Malta Union of Nurses iżda meta din il-union issieħbet fil-UĦM is-Sur Briffa mill-ewwel immilita fil-UĦM.
Gejtu Tanti, eks President tal-UĦM, jiftakar lil Jimmy Briffa bħala uffiċjal li kien jieħu l-każijiet individwali tal-ħaddiema b’serjeta’ u b’dedikazzjoni kbira. “Kien littiralment jagħmel l-impossibbli biex jaqdi lil dak li jkun”, qal Gejtu Tanti.
Hu kien jippreferi jaħdem fuq il-każijiet billi jżur il-postijiet tax-xogħol sabiex jiltaqa’ mal-ħaddiema. “Jimmy kien iżomm kuntatt kontinwu mal-membri tant li kien iħobb jorganizza l-laqgħat għalihom”, żied jgħid l-eks President tal-UĦM. Gejtu Tanti kompla li għalkemm lil Jimmy kont taħsbu serju kien ukoll ċajtier iżda fuq kollox kellu qalbu tajba.
UĦM Voice of the Workers tkellem ukoll ma’ Joe Bonello, Employment Relations Manager responsabbli mit-Taqsima Pensjonanti. Hu fisser lil Jimmy Briffa bħala bniedem kalm li kien jisma’ lil dak li jkun b’attenzjoni kbira. “Kien jirrispetta lil kulħadd, anki lil dawk li ma kienx jaqbel magħhom”, sostna Joe Bonello. Hu jiftakar lil Jimmy Briffa bħala infermier u stqarr li ħafna ħaddiema li kienu jaħdmu l-Isptar Monte Karmeli daħlu membri fil-UĦM minħabba fih. “Għax kien kwiet u tal-affari tiegħu”, kompla Joe Bonello.
Jimmy Briffa baqa’ attiv sal-aħħar – jagħti l-aħjar tiegħu għan-nies. Uffiċjali oħrajn li tkellmu ma’ dan il-portal fissru lil Jimmy Briffa bħala persuna strateġika li dejjem kien ippreparat u jistinka għal kull ħaġa li kien jagħmel.