Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) hija aġenzija tal-Gvern li sservi bħala l-punt ewlieni ta’ kuntatt dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-UE. Fost is-servizzi varji tagħha, SEM torganizza sessjonijiet ta’ capacity building fuq aspetti varji relatati mal-finanzjament tal-UE biex iżżid il-kapaċità tal-organizzazzjonijiet li japplikaw għal fondi tal-UE bi proposti kompetittivi.

Dawn is-sessjonijiet jimmiraw lejn organizzazzjonijiet volontarji (VOs), kunsilli lokali, skejjel u entitajiet governattivi oħra u jipprovdu informazzjoni bażika, iżda profonda u bbażata fuq l-esperjenza dwar is-suġġett kopert matul is-sessjoni.

L-ewwel sessjonijiet li SEM se torganizza fl-2021 se jindirizzaw l-iżvilupp tal-proġett billi jiffokaw fuq kif entità għandha tħejji, tfassal u tiżviluppa proposta ta’ proġett kompetittiv. L-ewwel sessjoni se tkun immirata lejn il-VOs u l-iskejjel u se ssir nhar il-Ħamis, 10 ta’ Ġunju.

It-tieni sessjoni se tkun immirata għall-kunsilli lokali u entitajiet governattivi u se ssir nhar il-Ġimgħa, 11 ta’ Ġunju. Iż-żewġ sessjonijiet se jkunu bejn l-10am u nofsinhar u se jsiru fuq l-internet.

Individwi interessati li jirrappreżentaw VOs, skejjel, kunsilli lokali jew Gvern jistgħu jattendu għal dawn is-sessjonijiet billi jirreġistraw fuq info.sem@gov.mt billi jindikaw l-organizzazzjoni li jirrappreżentaw.