II-pandemija tal-Covid-19 ħalliet impatt negattiv fis-saħħa mentali tal-popli fil-pajjiżi kollha tal-UE inkluż f’Malta. Din ix-xejra ġiet osservata f’żieda fin-nies li jħossuhom imdejqa u waħdehom speċjalment dawk li għandhom bejn 18 u 34 sena.

Din l-istatistika ħarġet mill-aħħar rawnd ta’ studju li sar mal-UE kollha dwar l-impatt tal-pandemija fuq il-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol. L-istħarriġ li sar mill-Eurofound analizza xejriet f’indikaturi ewlenin bħas-saħħa mentali, il-prospetti fuq-ix-xogħol u l-finanzi, il-fiduċja tan-nies fl-istituzzjonijiet, il-gvern u fl-UE nnifisha. Dawn ix-xejriet tkejlu fuq sena minn meta bdiet il-pandemija, speċifikament fir-rebbiegħa u fis-sajf tal-2020 u fir-rebbiegħa tal-2021.

Jirriżulta li l-punteġġ medju fil-livell tas-saħħa mentali tal-popolazzjoni Maltija niżel minn 50.1 fis-sajf tas-sena li għaddiet għal 46.7 fir-rebbiegħa 2021, fejn punteġġ ta’ 50 jew inqas jfisser li hemm riskju ta’ dipressjoni. Din iċ-ċifra tirrifletti x-xejra ġenerali fl-UE ta’ għeja mentali mill-Covid-19 fejn iċ-ċifri rispettivi naqsu minn 52.7 għal 45.3. L-esperti jemmnu li r-restrizzjonijiet biex kulħadd jibqa’ ġewwa, fl-ivvjaġġar u l-lockdowns imposti minn żmien għal żmien wasslu għat-tnaqqis fil-livell tas-saħħa mentali, li fisser li n-nies kienu qed iħossuhom frustrati, maqtugħa mill-bqija tad-dinja u vulnerabbli.

Ħarsa aktar dettaljata lejn is-sitwazzjoni f’Malta turi dan li ġej:

  • Dawk li ħassewhom waħedhom żdiedu minn 10.4% fis-sajf 2020 għal 18.9% fir-rebbiegħa 2021 iżda kienu għadhom taħt il-medja tal-UE.
  • Dawk li ħassewhom imdejqin telgħu minn 9.3% fis-sajf għal 15.1% fir-rebbiegħa 2021 iżda xorta kienu taħt il-medja tal-UE.
  • Dawk li ħassewhom imwarrbin mis-soċjetà żdiedu minn 23.1% għal 28.%. F’dan il-każ ir-rata f’Malta fiż-żewġ każijiet (sajf 2020 u rebbiegħa 2021) kienet ogħla mill-medja tal-UE.

Fuq nota pożittiva Malta tikklassifika bħala t-tieni l-inqas pajjiż tal-UE, wara d-Danimarka, fin-numru ta’ nies li qalu li x’aktarx ma jitlaqqmux kontra Covid-19. Jirriżulta li 4.4% biss qalu li huwa “improbabbli ħafna” li jieħdu l-vaċċin, li huwa ferm inqas mill-medja tal-UE ta’ 19%. 4.2% oħra qalu li huwa “improbabbli” li jitlaqqmu li hu fil-livell tal-medja tal-UE ta’ 4.4%.

Wara bidu bil-mod ir-rata ta’ tilqim f’Malta tjiebet u sad-9 ta’ Mejju kienet l-ogħla fl-Ewropa, qabel ir-Renju Unit. Din ix-xejra kienet riflessa wkoll fl-istħarriġ tal-Eurofound li wera kif 84% tal-Maltin qalu li huma probabbli jew probabbli ħafna li jilaqqmu – rata li kienet ferm ogħla mill-medja tal-UE ta’ 64.4%.

Sejbiet ewlenin oħra

  • L-inugwaljanzi eżistenti qed jikbru minħabba l-impatt sproporzjonat tal-pandemija fuq gruppi vulnerabbli. Is-sejbiet juru li d-diffikultajiet biex ilaħħqu mal-ħajja b’mod żdiedu b’mod sinifikanti fost dawk li diġà kienu jinsabu f’sitwazzjoni finanzjarja prekarja. Madankollu, ma kien hemm l-ebda bidla f’Malta bejn is-sajf 2020 u r-rebbiegħa 2021 fejn dawn kienu jammontaw għal 33.7% li kien taħt il-medja tal-UE għar-rebbiegħa 2021 meta r-rata rispettiva kienet ta’ 45.2%
  • Is-sodisfazzjon taċ-ċittadini b’miżuri ta’ għajnuna għall-kriżi naqas drammatikament, tant li 12% biss iħossu li dawn huma ġusti – tnaqqis mir-rata ta’ 22% li kien hemm  fis-sajf 2020. Dawk li ħassew li l-għajnuna kienet adegwata naqsu wkoll minn 16% fis-sajf 2020 għal 10% fir-rebbiegħa 2021. Kważi wieħed minn kull għaxar persuni li wieġbu kellhom it-talba biex jingħataw appoġġ finanzjarju miċħuda. Madankollu, ma ġiet osservata l-ebda tendenza bħal din f’Malta li kellha t-tieni l-ogħla livell ta’ sodisfazzjon dwar miżuri ta’ appoġġ tal-gvern, wara l-Irlanda.
  • Il-fiduċja fl-istituzzjonijiet waqgħet sew, speċjalment fil-gvernijiet nazzjonali li naqsu minn punteġġ ta’ 4.6/10 fis-sajf 2020 għal 3.9/10 fir-rebbiegħa 2021. Il-fiduċja fil-gvernijiet nazzjonali fl-Istati Membri kollha niżlet taħt il-livelli rreġistrati fil-bidu tal-pandemija. Il-fiduċja fl-UE naqset ukoll iżda tibqa’ ogħla mill-fiduċja fil-gvernijiet nazzjonali.