F’għaxar snin biss il-popolazzjoni Maltija kibret bi kważi kwart u sal-2019 qabżet in-nofs miljun. Dan it-tkabbir hu saħansitra aktar spettakolari meta jkun kunsidrat il-fatt li din iż-żieda seħħet prinċipalment fuq perjodu ta’ seba’ snin biss mill-2013 ’il quddiem. Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, fl-2019 biss, qabel il-pandemija tal-Covid-19, il-popolazzjoni ta’ Malta kienet kibret b’21,005 li huwa ekwivalenti għal madwar 57 persuna kuljum! Il-biċċa l-kbira ta’ din iż-żieda kienu barranin li t-total tagħhom tela’ minn 23,611 fl-2012 għal 103,180 fl-2019. Xejra demografika bħal din tirrifletti l-bidla fil-politika mill-2013 ’il quddiem meta tela’ gvern Laburista li adotta mudell ekonomiku differenti bbażat fuq t-tkabbir ekonomiku permezz tal-migrazzjoni.

Filwaqt li dan il-mudell irriżulta fi tkabbir ekonomiku qawwi u l-qgħad niżel fl-inqas l-livell fl-istorja, il-bidla demografika ikkawżat xokk minħabba li l-infrastruttura tal-pajjiż ma setgħetx iżżomm il-pass maż-żieda tal-popolazzjoni. Ironikament, dan spiċċa hedded il-kwalità tal-ħajja għax wassal għal żieda fit-traffiku, fil-prezzijiet tal-propjetà, u s-servizzi tal-kura tas-saħħa ta’ Malta kienu taħt pressjoni  aktar minn qatt qabel biex ilaħħqu mad-domanda.

Hu f’dan il-kuntest li l-gvern qed jabbozza politika attiva ġdida dwar is-suq tax-xogħol. Il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana diġà ta x’jifhem li jistgħu jsiru xi tibdiliet importanti u saħansitra ħareġ l-idea li jkun hemm kwoti fuq id-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi (ċittadini mhux tal-UE) fost tħassib li l-influss massiv ta’ barranin kien qed jippromwovi cheap labour li qed jirriżulta fi pressjoni biex jitbaxxew il-pagi tal-bqija tal-popolazzjoni.

Intant, tħabbar ukoll li għall-ewwel darba se jsir ċensiment tal-ħiliet sabiex il-gvern jieħu kont tas-sitwazzjoni u jikseb stampa tal-‘provvista’ ta’ ħaddiema li hawn disponibbli. Din l-informazzjoni mbagħad tkun tista’ titqabbel ​​mat-tipi ta’ xogħolijiet li teħtieġ l-industrija, il-gvern, is-servizzi u l-intrapriżi privati. Għalhekk, il-gvern se jkun f’pożizzjoni li jkun jaf il-prijoritajiet tal-pajjiż minn perspettiva akkademika u vokazzjonali.

Minkejja dan, hemm sinjali ċari fuq il-bżonn ta’ bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. Sal-2020, 71% tal-ommijiet u 96% tal-missirijiet kienu impjegati u dan ifisser li kien hemm pressjonijiet akbar biex il-familji jkunu jistgħu jlaħħqu mal-qadi u t-trobbija tat-tfal. Sfortunatament, dan qed jirriżulta f’inqas ħin ta’ kwalità flimkien. Mhix sorpriża li bejn l-2015 u l-2019 in-numru ta’ djar ​​fejn mill-inqas tifel wieħed ta’ tliet snin jew inqas qed jattendi c-childcare, żdied minn 2,387 għal 6,050.

Il-UĦM Voice of the Workers tappella għal sforzi għal politika ekonomika fit-tul ibbażata fuq impjiegi b’valur miżjud u mhux cheap labour bl-iskop li jkun hemm opportunità akbar għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. Is-soluzzjoni mhix li ddawwar l-arloġġ lura imma titgħallem mill-iżbalji waqt li taqra s-sinjali li joħorġu  mill- istatistika u x-xejriet tal-aħħar għaxar snin.