Il-home visits mill-kandidati tal-partiti politiċi, il-Membri Parlamentari u l-membri tal-Kabinett bħalissa jinsabu fl-aqwa tagħhom waqt li mhux qed jitilfu kull opportunità li jidhru fuq il-mezzi tax-xandir fi sforz li jirbħu s-siġġu parlamentari li għalihom ifisser kollox. Fil-pajjiż hawn sentiment li l-elezzjoni ġenerali ma tinsabx ’il bogħod possibbilment fil-bidu tal-ħarifa. Għalkemm għandhom fehmiet politiċi differenti jekk mhux konfliġġenti dawn il-kandidati spiss iħobbu jiddikjaraw li l-unika motivazzjoni tagħhom hija x-xewqa li jservu lin-nies u l-kostitwenti. Filwaqt li dan jista’ jinstemax bħala ġest nobbli minn dawk li għandhom għamad politiku jew dawk li  għalihom il-kunċett tagħhom tal-meritokrazija jfisser klijenteliżmu sfaċċat, il-bqija tal-popolu mhux qed jimpressjona ruħu bil-mantra ‘li sservi lill-poplu’  u jittratta sempliċiment bħala slogan jekk mhux biċ-ċajt.

Dan ix-xettiċiżmu mhuwiex ibbażat fuq perċezzjoni iżda sfortunatament jirrifletti dak li għadda lokalment u barra minn Malta fl-aħħar snin. Għalkemm l-imġieba ta’ ċerti politiċi fil-passat setgħet kienet ferm aħjar, is-sitwazzjoni fl-aħħar snin marret lura bħal granċ. Kif jgħidu żball ma jiġġustifikax ieħor minn kontroversja li kienet tinvolvi lill-Ministru tal-Finanzi ta’dak iż-żmien Tonio Fenech jaċċetta rigal fil-forma ta’ arloġġ stil Malti, morna f’sitwazzjoni tal-Ministru Carmelo Abela li qed jiffaċċja allegazzjonijiet li kien kompliċi f’attentat ta’ serqa mill-HSBC fl-2011. Filwaqt li hemm il-preżunzjoni kardinali tal-innoċenza sakemm xi ħadd jinstab ħati, l-etika u r-responsabbiltà politika titlob li l-Ministru Abela jwarrab sakemm din is-sitwazzjoni tkun solvuta. Il-Prim Ministru Robert Abela jidher li mhux konxju  tal-fatt li n-nuqqas ta’ azzjoni tiegħu dwar il-kwistjoni qed tkaxkar lill-gvern kollu ’l isfel.

Madankollu, il-kwistjoni tmur lil hinn minn dan il-każ. Kellna wkoll is-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar tirriżenja sakemm joħroġ ir-riżultat ta’ investigazzjoni dwar ir-relazzjoni tagħha ma’ Yorgen Fenech – li hu akkużat b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia – wara allegazzjonijiet li daħħlet fil-but eluf ta’ ewro f’senserija fuq il-bejgħ ta’ proprjetà li ma kienux inklużi fid-dikjarazzjoni tal-assi li ppreżentat fil-parlament.

Dawn ma kienux xi każijiet iżolati. Seħħew wara li Malta kienet l-uniku Stati Membru tal-UE li fejn kien hemm ministru, f’dan il-każ Konrad Mizzi, li kien implikat fl-iskandlu tal-Panama Papers. Biex tgħaqqad, il-fiduċja taċ-ċittadini onesti fil-politiċi kompliet togħdos kull meta l-ismijiet tal-eks Ministru Chris Cardona u tal-eks chief of staff Keith Schembri issemmew fil-qorti matul is-smigħ tal- każ dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia.

Sadanittant, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika li twaqqaf biex jgħolli l-livell ta’ etika fis-settur pubbliku, mhux l-inqas il-Membri Parlamentari tagħna, qed jisfa fil-mira ta’ attakki min-naħa tal-gvern. Filwaqt li l-ebda istituzzjoni ma hi perfetta, wieħed jistaqsi kif ċertu membri parlamentari jagħlqu għajnejhom għall-dak li jkun għaddej madwarhom u ma jiddejqu xejn ipoġġu spalla ma’ spalla ma’ ċertu kollegi implikati f’diversi skandli, iżda fl-istess ħin jippruvaw jimminaw istituzzjoni li tfittex li tgħolli l-livell tal-etika.

Madwar 20 sena ilu, Joseph Muscat kien kiteb li għalih kull min jidħol fil-politika kellu jkun missjunarju, ħalliel jew miġnun. Filwaqt li kulħadd jinsab liberu li jasal għall-konklużjoni tiegħu, is-sitwazzjoni ta’ bħalissa ftit tħalli lok għal interpretazzjonijiet differenti.