Impjegati fis-servizz tas-saħħa pubblika f’taqsima speċjalizzata tat-tfal, magħrufa bħala s-CDAU, ingħataw transfer wara li l-Gvern baqa’ m’aċċettax it-talba tal-UĦM Voice of the Workers li talbet li dawn jaħdmu f’sit adegwat li jkun ċertifikat li ma fih l-ebda periklu.

Il-każ jinvolvi il-ħaddiema taċ-Child Development Assessment Unit li jinsab fl-Isptar San Luqa iżda li jaqa’ taħt it-tmexxija tal-Isptar Mater Dei.

Jirriżulta li meta f’Marzu tal-2020 faqqgħet il-pandemija tal-Covid-19, l-union kienet talbet li jsir risk assessment biex ikun stabbilit jekk il-post kienx jilħaq il-livell meħtieġ f’dak li għandu x’jaqsam ma’ miżuri biex tkun kontrollata l-pandemija fl-interess tas-saħħa tat-tfal li jużaw is-servizz u anki tal-ħaddiema. F’dawk iċ-ċirkostanzi l-management kien iddeċieda li l-post ma jibqax jintuża u minflok is-servizz jingħata permezz tat-telehealth billi jsiru sessjonijiet fuq l-internet. Peress li dan fih il-limitazzjonijiet tiegħu il-miżura kellha tkun temporanja sakemm titranġa s-sitwazzjoni fis-CDAU.

F’Ġunju 2020 il-ħaddiema kienu ordnati mill-Isptar Mater Dei biex imorru lura għax-xogħol fil-post li kellhom f’San Luqa. Madankollu, il-UĦM kienet talbet risk assessment tal-post minħabba li l-pandemija kienet għadha ma waqfitx u dan l-eżerċizzju kellu jinkludi wkoll investigazzjoni fuq l-istat strutturali tal-binja innifisha.

Sal-lum ir-riżultat ta’ dan ir-risk assessment qatt ma wasal għand il-union. Sorsi qalu lil Voice of the Workers Weekly li dan tlesta f’Diċembru u li minnu irriżulta li l-post ma kienx jilħaq il-livell meħtieġ mil-lat ta’ saħħa u sigurtà. Barra minn hekk kien intalab ukoll li jsir rapport ta’ perit dwar il-binja, liema rapport jidher li għadu ma kienx preżentat.

Minkejja dawn in-nuqqasijiet serji, il-management baqa’ jinsisti li l-ħaddiema imorru lura għax-xogħol. Dan wassal biex il-UĦM toħroġ direttiva biex il-ħaddiema jibqgħu għaddejjin bit-telehealth, filwaqt li baqgħet miftuħa biex jinstab sit alternattiv li ma fih l-ebda riskju.

Fil-jiem li għaddew il-UĦM kienet informata li l-ħaddiema kienu ordnati jħassru l-appuntamenti kollha għax kienu se jiġu trasferiti Mater Dei u jingħataw xogħol ieħor li ma kellu x’jaqsam xejn ma’ dan is-servizz. Filwaqt li ma ngħatat l-ebda spjegazzjoni, sorsi qalu li dan ġara għax kienu se jiġu impjegati occupational therapists ġodda li kienu se jieħdu post dawk li llum jaħdmu fis-CDAU.

“Aġir bħal dan mhux aċċettabbli u kien għalhekk li l-UĦM ħarġet direttiva biex jibqa’ jingħata s-servizz mill-ħaddiema preżenti u ma jmorrux Mater Dei sakemm jinstab post alternattiv,” sostna Gian Paul Gauci, assistent direttur tal-union.

“Il-management ma jistax jitlob lill-ħaddiema biex jirrapportaw għax-xogħol f’post li mhux ċertifikat li jilħaq il-livell meħtieġ mill-aspetti tas-saħħa u s-sigurtà,” hu kompla.

Dan hu aġir abbużiv mill-Gvern li minflok jindirizza din il-problema serja qed jingaġġa ħaddiema ġodda għax jaf li sakemm ikunu fuq probation x’aktarx li ma jilmentawx fuq din is-sitwazzjoni minħabba li l-biżgħa li jitkeċċew. Il-UĦM twissi li lesta tieħu kull azzjoni meħtieġa filwaqt li tappella biex tinstab soluzzjoni fl-interess tat-tfal li jeħtieġu dan is-servizz.