Sistema edukattiva tajba trid tagħti ċans lil kulħadd
F’dan iż-żmien tas-sena l-istudenti u l-għalliema jieħdu waqfa mistħoqqa qabel tibda sena skolastika ġdida. Madankollu, għal dawk l-istudenti li għal xi raġuni jew oħra jonqsu milli jilħqu l-miri tagħhom jew jilħqu l-livell mistenni, din hija storja kompletament differenti. Apparti d-diżappunt li jġibu magħhom ir-riżultati annwali, l-istudenti jista’ jkun li jkollhom iqattgħu ix-xhur sħan tas-sajf jistudjaw biex ilaħħqu ma’ sħabhom jew f’kas li jkollhom ir-resit.
Is-soluzzjoni mhix li jitneħħew l-eżamijiet jew it-testijiet. Min jaħseb li triq bħal din toħloq sistema edukattiva mingħajr inkwiet għall-istudenti jkun qed jidħak bih innifsu u bl-oħrajn. Illum jew għada aħna lkoll se nkunu rridu niffaċċjaw xi prova. L-edukazzjoni hi wkoll mezz biex nitgħallmu naħdmu taħt pressjoni u kif nilqgħu l-isfidi. Għalhekk, jekk sistema edukattiva tkun nieqsa minn xi tip ta’ mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni jew ta’ ittestjar, l-istudenti jsibu ruħhom f’inkwiet kbir u ma jkampawx fuq il-post tax-xogħol jew saħansitra fil-ħajja personali tagħhom. Sakemm l-eżamijiet huma mezz biex jivverifikaw il-livell ta’ kompetenza f’suġġett jew sett ta’ ħiliet u mhux mezz biex ikunu eliminati l-istudenti, m’hemm xejn ħażin. Madankollu, kull eżami biex jilħaq l-iskop aħħar tiegħu għandu jkun sewgit b’analiżi dettaljata ta’ fejn l-istudent mar ħażin jew seta’ mar aħjar. Huwa inutli li tgħid lill-istudenti li weħlu mill-eżamijiet tagħhom biex jistudjaw aktar, speċjalment dawk li ġenwinament għamlu l-almu tagħhom. Sfortunatament, fis-sistema tagħna ftit li xejn hemm din it-tip ta’ analiżi fis-sajf ladarba l-iskejjel jagħlqu l-bibien tagħhom. Għalkemm hemm klassijiet ta’ reviżjoni għal dawk li jkunu marru ħażin, sistema li titratta lil kulħadd bl-istess mod għandha l-limitazzjonijiet tagħha. F’ħafna każijiet, huwa ħafna aktar produttiv li tgħaddi l-karta tal-eżami mal-istudenti u ssir analiżi ta’ fejn saru l-iżbalji iktar milli siegħat twal fuq kontenut li l-istudenti jkunu jafu sew. Ħafna għalliema ma jiddejqu xejn li jgħinu lill-istudenti anki matul ix-xhur tas-sajf. Filwaqt li korsijiet għal min waqa’ lura huma importanti għal dawk l-istudenti li jkollhom problemi serji u ma jkunux fehmu kunċetti bażiċi, f’ħafna każijiet is-soluzzjoni m’għandhiex tkun daqshekk drastika. Ħafna drabi li tpoġġi bilqegħda ma’ student imqar għal sessjoni ta’ siegħa taf tkun ferm iktar produttiva.
Dan l-istil m’għandux ikun limitat biss għall-edukazzjoni obbligatorja. Sfortunatament, fl-edukazzjoni post-sekondarja u terzjarja rridu nħarsu lil hinn min-numru ta’ dawk li jibdew il-korsijiet. Għal xi raġuni numru sinifikanti ma jkomplux. Filwaqt li xi wħud jistgħu jagħmlu dan għax isibu opportunità ta’ xogħol, oħrajn jieqfu għac ma jgħaddux mill-ewwel sena. Filwaqt li l-livell akkademiku mistenni m’għandux jiġi kompromess jew jitnaqqas, hemm bżonn ukoll li dawk li ma laħqux il-livell mistenni imma xorta għandhom li jirnexxu għandhom jingħataw l-għajnuna. Fl-aħħar mill-aħħar, kull sistema edukattiva qiegħda hemm biex tiftaħ opportunitajiet u orizzonti ġodda. Jekk min-naħa l-oħra l-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi tagħna huma bbażati fuq il-kunċett li jiġri x’jiġri dejjem irid jiġi eliminat xi ħadd, it-telliefa mhumiex biss l-istudenti imma l-pajjiż kollu.