Iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel qed tibqa’ tkun ir-raġuni ewlenija wara ż-żieda qawwija fl-għoli tal-ħajja f’Malta li b’rankatura qawwija ’l fuq minn Ġunju tas-sena l-oħra. Din l-istampa inkwetanti ħarġet mill-aħħar statistika dwar l-indiċi tal-prezzijiet bl-imnut ippubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.

Jirriżulta li f’Ġunju, il-medja tal-aħħar 12-il xahar – li tintuża biex tiġi kalkulata l-ż-Żieda tal-Għoli tal-Ħajja (COLA) – laħqet it-3.66% li 2.15% minnhom huwa magħmul mill-indiċi tal-ikel biss. Dan jinkorpora prezzijiet tal-ikel li jvarjaw minn supermarkets, prodotti tal-merċa, take-aways u ristoranti. L-ispejjeż  marbuta mad-djar li jinkludu spejjeż tal-kera, materjali u servizzi għall-manutenzjoni tad-dar kienu t-tieni l-ogħla kontributuri għall-medja tal-aħħar 12-il xahar b’żieda ta’ 1.17%.

Sadattant ir-rata annwali tal-inflazzjoni f’Ġunju 2022 meta mqabbla ma’ Ġunju 2021, laħqet is-6.21% li hija 33 darba ogħla minn Frar 2021 meta r-rata tal-inflazzjoni kienet biss 0.19%. Minkejja din iż-żieda spettakolari, il-gvern ilu jinsisti li Malta għandha l-inqas rata ta’ inflazzjoni fl-Ewropa. Madankollu, dan l-argument irid jittieħed fil-kuntest tal-fatt li r-rati tad-dawl u l-ilma u l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel f’Malta m’għolewx. Sal-lum il-gvern qed jassorbi ż-żieda fil-prezz internazzjonali ta’ dawn il-prodotti. Jekk is-settur tal-enerġija jitneħħa mill-kalkolu tal-inflazzjoni, l-għoli tal-ħajja f’Malta jitla’ fost l-ogħla meta mqabbel mal-bqija tal-Ewropa. Il-UHM Voice of the Workers ilha twissi li fejn jidħlu oġġetti essenzjali bħall-ikel, is-sitwazzjoni f’Malta hija ogħla mill-medja tal-UE. Fil-fatt, skont il-Eurostat l-inflazzjoni fil-katina tal-provvista tal-ikel f’pajjiżi bħal Franza, l-Isvezja, l-Italja u l-Awstrija hija ferm aktar baxxa minn dik ta’ Malta.

Din ix-xejra qed tiġi riflessa wkoll fi stħarriġ intern li qed isir mill-UHM li qed tissorvelja l-prezzijiet bażiċi tal-ikel fis-supermarkets mill-bidu tas-sena. F’dawn il-każijiet l-ikel żdied sa 7%, liema rata hija probabbilment togħla jekk ix-xirja ssir minn ħwienet tal-merċa żgħar fl-ibliet u l-irħula minħabba li dawn x’aktarx jirċievu l-prodotti bi prezz għola.

Analiżi aktar profonda tar-rata tal-inflazzjoni f’Ġunju 2022 turi li l-ogħla rata annwali kienet reġistrata fl-indiċi tad-djar li jinkorpora spejjeż tal-kera li żdiedu b’6.38%, materjali għall-manutenzjoni fejn iż-żieda kienet aktar qawwija ta’ 16.08% u servizzi għall-manutenzjoni tad-djar li żdied ukoll b’16.34%. Kif mistenni, żidiet notevoli oħra kienu l-ikel inkluż ir-ristoranti u take-aways (9.99%), tagħmir relatat mal-isport 12.76% u servizzi veterinarji inkluż ikel għall-annimali domestiċi bi 13.38%.

Il-UHM Voice of the Workers ilha tappella għal kontroll aktar strett mil-gvern fuq il-monitoraġġ tal-prezzijiet biex il-konsumaturi jagħmlu għażliet aħjar meta jiġu biex jixtru. Barra minn hekk, l-unjin qed tinsisti li f’każijiet fejn iż-żieda fl-ispejjeż tal-ġarr tal-merkanzija kienet temporanja u reġgħet naqset, il-prezzijiet għandhom ukoll jorħsu lura biex ma jkunx hemm min japprofitta ruħu.