Siegħa kerha għall-Ewropa
Id-deċiżjoni ta’ Vladimir Putin li jibda gwerra mal-Ukrajna biex iwettaq il-ħolma espansjonistika u imperjalistika tiegħu timmarka l-aktar siegħa kerha tal-Ewropa mit -Tieni Gwerra Dinjija. Din il-gwerra hija affront għad-demokrazija, l-umanità, u l-kunċett stess tas-sovranità tan-nazzjonijiet.
Ir-retorika li ppreċediet dan l-att ta’ aggressjoni ħaditna lura lejn l-era tal-Ġermanja Nażista u l-atttiduni ta’ Hitler li lejn l-aħħar tas-snin tletin ħataf l-Awstrija u ċ-Ċekoslovakkja bl-iskuża li ried jipproteġi lill-Ġermaniżi Sudeti. Tmien sena wara, l-istorja qed tirrepeti ruħha, hekk kif Putin invada l-Krimea, parti mill-Ġorġja, u l-provinċji tal-Lvant ta’ Luhansk u Donetsk, bl-iskuża li jipproteġi r-Russi. L-istess bħal Hitler – li l-intenzjoni vera tiegħu kienet li jirbaħ l-Ewropa – Putin ma tilef l-ebda ħin biex snienu billi nieda invażjoni sħiħa tal-Ukrajna. Mit-ton tar-retorika imperjalistika tiegħu, l-objettiv aħħari huwa r-rikostituzzjoni tal-Unjoni Sovjetika. Mhux ta’ b’xejn li l-pajjiżi li kienu fil-Patt ta’ Varsavja u l-Istati Baltiċi jinsabu fuq allerta massima.
Iffaċċjat mill-ogħla eskalazzjoni militari mit-Tieni Gwerra Gwerra, il-Punent impona sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji iebsa, li bħalhom qatt ma rajna qabel. Malta, wkoll trid tagħti s-sehem tagħha. Ma nistgħux nibqgħu nbiegħu passaporti lil ċittadini Russi sinjuri, li aktarx qed jiffinanzjaw lir-reġim ta’ Putin. Huwa tal-mistħija kif xi apoloġisti tal-gvern qed jippruvaw jiksbu punti politiċi, billi jfittxu li jinfluwenzaw l-opinjoni pubblika u jwaħħlu fil-kunflitt Ukrajna għal deċiżjonijiet li mhux se jkunu popolari.
Minkejja dawn l-isforzi, l-evidenza s’issa hija li tali azzjonijiet ma kinux deterrent. Filwaqt li kwalunkwe tpattija militari mill-Punent għandha riskju kbir li teskala l-kunflitt, in-naħa l-oħra tal-munita hija ugwalment inkwetanti. F’dak il-każ il-messaġġ ikun qawwi u ċar: Jekk Putin joħroġ b’saħħtu minn dan kollu jfisser rebħa għall-użu tal-forza u l-aggressjoni. L-imġieba ta’ Putin m’għandhiex issir stil tat-tmexxija. Messaġġ bħal dan se jidwi madwar id-dinja peress li se jieħu r-relazzjonijiet internazzjonali għal żmien meta kien jiflaħ iħawwel bħal ma kien isir fis-snin tletin mil-Ġermanja Nażista, l-Italja Faxxista u l-Ġappun Imperjali.
Il-paċi dinjija bħalissa tinsab imdendla fuq ħajta. Hemm linja fina ħafna bejn dak li bl-Ingliż jissejjaħ appeasement, id-diplomazija u l-intervent militari. Din hija l-iktar siegħa kerha tal-Ewropa. Putin eskala l-gwerra fuq livell li ħadd ma kien jimmaġina – qed jhedded gwerra nukleari.
Id-dinja kollha kemm hi diġà qed tħallas prezz. Nittamaw għall-inqas li l-akbar prezz jitħallas minn min kien il-moħħ wara dan kollu. Kif wissa l-president tal-Ukrajna, Volodymyr Zelenskiy: “Qed jiġi deċiż mhux biss id-destin tal-istat tagħna, iżda wkoll kif se tkun l-Ewropa.”