Sena ilu l-poplu kien qed iħares ’il quddiem biex jibda paġna ġdida fl-isfond tat-taqlib politiku u l-iskandli ta’ korruzzjoni li kienu wasslu għar-riżenja ta’ Joseph Muscat minn prim ministru. Skandli li tagħhom il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kienet ħallset l-ogħla prezz bil-qtil brutali tagħha f’Ottubru tal-2017. 

Sentejn wara, f’Diċembru tal-2019 il-poplu ma niżilx fit-toroq jitlob elezzjoni ġenerali jew b’xi aġenda favur partit politiku fl-oppożizzjoni. Kienet għajta ġenwina mis-soċjetà ċivili u minn eluf ta’ individwi li għandhom għal qalbhom is-saltna tad-dritt u l-valur tal-ġustizzja. Kull ma talbu kien li kulħadd f’dan il-pajjiż, mill-kbir saż-żgħir jerfa’ r-responsabbiltà ta’ għemilu u li dawk l-istituzzjonijiet li xogħolhom hu li jħarsu l-ġid komuni ma jħarsu lejn wiċċ ħadd u jitħallew jaħdmu.  Il-korruzzjoni tolqot lill-ħaddiem fil-laħam il-ħaj, għax fl-aħħar mill-aħħar qed nitkellmu fuq flus il-poplu.   

Hekk kif ninsabu fuq l-għatba tal-2021, kulħadd jista’ jħares lura u jasal għall-konklużjonijiet tiegħu. Ħafna mill-protagonisti ta’ dawn l-iskandli llum il-ġurnata kważi għebu mill-ħajja pubblika jew għax irriżenjaw mill-pożizzjoni li kellhom jew għax m’għadx għandhom l-istess responsabbiltà.  

Fl-istess ħin istituzzjonijiet bħall-korp tal-pulizija u l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali li fuqhom kien intefa’ dell, jinsabu taħt tmexxija ġdida. Sadattant, iddaħħlu numru ta’ riformi kostituzzjonali fuq il-parir tal-Kummissjoni Venezja. Dawn se jwasslu biex il-kontroll ta’ ċertu istituzzjonijiet bħall-Qorti jispiċċa kompletament minn taħt idejn il-politiċi. Riformi oħra għandhom il-ħsieb li jwessgħu il-poteri tal-President ta’ Malta fosthom il-ħatra tal-membri tal-ġudikatura filwaqt li l-Kap tal-Istat stess ikun elett b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri parlamentari. Dan il-mekkaniżmu kien applikat ukoll għall-ħatra tal-Prim Imħallef, l-Ombudsman u ċ-Chairperson  tal-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni. Barra minn hekk kien introdott il-kunċett ta’ stħarriġ ġudizzjarju li jagħti s-setgħa lill-Awditur Ġenerali, l-Ombudsman, il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika u l-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni li jisfidaw deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali f’każ li dan jiddeċiedi li l-każ riferut lilu minnhom ma jimmeritahx passi bil-Qorti. Żgur li dawn ir-riformi kienu pass fid-direzzjoni t-tajba għax qed iwieġbu għan-nuqqasijiet tal-aħħar snin. 

Madanakollu, il-poplu din is-sena wkoll stenna li tibda ssir ġustizzja – kemm ma’ dawk li kienu nvoluti fil-qtil ta’ Caruana Galizia u anki dawk li ppruvaw jistgħanew minn fuq dar il-poplu. F’dan ir-rigward wieħed kien jistenna li mhux biss isiru xi arresti, imma li dawk responsabbli jitressqu l-Qorti biex jieħdu dak li ħaqqhom. Ironikament, fl-aħħar sena mill-Qrati kompliet toħroġ iktar evidenza li mhux talli ma neħħietx id-dell minn fuq ċerti istituzzjonijiet u persuni fit-tmexxija, talli issa hemm sħab iswed. Ix-xhieda li ngħatat kemm fil-kumpilazzjoni kif ukoll fl-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia kompliet qanqlet ħafna mistoqsijiet. Fuq kollox din l-evidenza kompliet żiedet l-għadab fost il-poplu dwar il-kultura ta’ impunità – dik li min hu b’saħħtu jagħmel li jrid mingħajr ma jbati l-konsegwenzi.  

Is-saltna tad-dritt ma tfissirx biss li jsiru r-riformi imma li ssir ġustizzja kemm fil-qtil ta’ Caruana Galizia kif ukoll fl-iskandli tal-korruzzjoni li fl-aħħar snin kissru r-reputazzjoni ta’ Malta u berbqu flus il-poplu. Jekk dan ma jsirx l-istorja se terġa’ tirrepeti ruħha. Il-ġustizzja mhux biss trid issir iżda trid tidher li qed issir u fuq kollox ma tieqafx maż-żgħir.