Il-Parlament Ewropew approva l-baġit li jmiss tal-UE għas-seba’ snin li ġejjin (2021-2027) bl-iskop li ċ-ċittadini jibdew igawdu minn dawn il-fondi mill-bidu tas-sena d-dieħla. 

15 biljun f’żidiet għall-programmi ewlenin tal-UE 

Din iż-żieda hija r-riżultat tal-isforzi ta’ negozjar tal-Parlament biex tingħata spinta lill-10 programm ewlieni ewlenin tal-UE matul is-seba’ snin li ġejjin biex iċ-ċittadini jiġu protetti aħjar mill-pandemija tal-COVID-19, jiġu pprovduti opportunitajiet lill-ġenerazzjoni li jmiss, u jiġu ppreservati l-valuri Ewropej. Bis-saħħa ta’ dan il-kompromess, f’termini reali, il-Parlament Ewropew jittripplika l-pakkett għall-EU4Health, jiżgura l-ekwivalenti ta’ sena addizzjonali ta’ finanzjament għal Erasmus+ u jiżgura li l-finanzjament għar-riċerka jkompli jiżdied. 

Dħul minn sorsi ġodda 

In-negozjaturi qablu mal-prinċipju li l-ispejjeż fuq terminu medju sa twil tal-ħlas lura tad-dejn mill-fond ta’ rkupru la għandhom jiġu b’detriment għall-programmi ta’ investiment stabbiliti sew fil-baġit, u lanqas ma jirriżultaw f’kontribuzzjonijiet ħafna ogħla bbażati fuq l-ING mill-Istati Membri. Għalhekk, in-negozjaturi tal-PE fasslu pjan biex jintroduċu sorsi ġodda ta’ dħul biex jikkontribwixxu għall-baġit tal-UE fis-seba’ snin li ġejjin. 

 
Il-Parlament se jissorvelja kif jintefqu l-fondi tal-UE tal-Ġenerazzjoni li Jmiss 

Dawn il-fondi eċċezzjonali, ipprovduti barra mill-baġit regolari biex l-ekonomija li ntlaqtet ħażin ħafna mill-pandemija tiġi mgħejuna, se jintefqu b’mod trasparenti. Il-Parlament, flimkien mal-Kunsill, se jiċċekkja kwalunkwe devjazzjoni mill-pjanijiet maqbula qabel. 

Il-bijodiversità, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-opportunitajiet indaqs 

Se jkun hemm iktar sorveljanza biex jiġi żgurat li mill-inqas 30% tal-ammont totali tal-baġit tal-UE u n-nefqiet tal-Ġenerazzjoni li Jmiss jappoġġaw l-objettivi tal-protezzjoni tal-klima, u li mill-2024 7.5% tal-infiq annwali jkun dedikat għall-objettivi tal-bijodiversità  li jitla għal 10% mill-2026. 

L-ugwaljanza bejn is-sessi u l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi se jingħataw prijorità fil-baġit, permezz ta’ valutazzjoni bir-reqqa tal-impatt fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi u monitoraġġ tal-programmi.