Aktar minn 40 delegat minn madwar l-Ewropa ħadu sehem fil-konferenza ta’ din is-sena bit-tema Active labour market policies in the EU. L-attività li saret fil-Cavalieri Art Hotel fi Spinola, San Ġiljan bejn l-1 u t-2 ta’ Diċembru, kienet organizzata mill-UHM Voice of the Workers, b’kollaborazzjoni mal-EZA (European Centre for Workers’ Questions).

Il-Ministru tal-Finanzi u l-Impjiegi Clyde Caruana li għamel id-diskors tal-ftuħ tkellem dwar l-importanza tal-investiment fil-kapital uman. Mistoqsi dwar il-pjanijiet tal-gvern biex itejjeb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja, huwa qal li dan jista’ jsir biss jekk ikun hemm produttività aħjar.

“Nistgħu naspiraw biss għal proposti bħat-tnaqqis tal-ġimgħa ta’ 40 siegħa xogħol kif sar fl-Olanda jekk inżidu l-produttività għax inkella pass bħal dan ma jkunx sostenibbli,” qal il-Ministru Caruana.

Fl-indirizz tiegħu fisser li l-ewwel qabża ’l quddiem saret għaxar snin ilu, meta l-UHM kienet ippreżentat l-ewwel politika attiva tas-suq tax-xogħol, li sussegwentement ttieħdet miż-żewġ partiti politiċi ewlenin. Il-Ministru tal-Finanzi rrimarka li bis-saħħa ta’ din il-politika, is-suq tax-xogħol Malti għadda minn trasformazzjoni b’żieda drammatika fl-impjiegi speċjalment in-nisa u dawk li kienu ilhom inattivi għal żmien twil. Miżuri bħaċ-childcare b’xejn, it-tapering tal-benefiċċji u l-in-work benefits kienu kruċjali. Is-seminar iffoka wkoll fuq il-proposta ta’ sħubija obbligatorja fit-trejdjunjins bil-Kap Eżekuttiv tal-UHM Josef Vella jappella għall-introduzzjoni ta’ tali miżura għall-ħaddiema bi dħul baxx.

“L-impjegati xorta jkunu liberi li jissieħbu fl-union tal-għażla tagħhom jew inkella jħallsu l-ekwivalenti għall-miżata tas-sħubija f’fond speċjali għat-taħriġ, peress li jibbenefikaw minn kundizzjonijiet aħjar b’riżultat ta’ ftehim kollettiv innegozjat mill-union,” Vella qal.

“Miżura bħal din għandha l-għan li sservi bħala polza ta’ assigurazzjoni għall-ħaddiema li huma vulnerabbli għall-isfruttament, li jiffaċċjaw azzjoni ta’ tpattija jekk jipprovaw jirraportaw abbuż”

Is-seminar ta’ jumejn indirizza wkoll kwistjonijiet relatati ma’ ħaddiema barranin u ċittadini ta’ pajjiżi terzi speċjalment l-isfruttament u l-abbużi, li f’ċerti każijiet iwasslu għal  traffikar tal-bnedmin. Josef Vella irrimarka li sakemm l-ekonomija Maltija tibqa’ tinkoraġġixxi l-mudell ekonomiku eżistenti bbażat fuq cheap labour permezz tar-reklutaġġ ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, qatt ma nistgħu naspiraw li ntejbu l-produttività u għalhekk, qatt ma nistgħu naspiraw li ntejbu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja.

Kwistjonijiet oħra fuq l-aġenda tal-konferenza kienu t-taħriġ vokazzjonali, it-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema u inizjattivi dwar kif tingħata spinta lill-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilità fis-suq tax-xogħol.

Intant, il-UHM diġà qed tippjana għall-konferenza tal-2023 li se tkun qed tiffoka fuq pagi minimi adegwati.