Fl-2017, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għamlu d-dikjarazzjoni fuq il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Pilastru jistabbilixxi 20 prinċipju u dritt ewlieni essenzjali għal swieq tax-xogħol ġusti u li jiffunzjonaw tajjeb u sistemi ta’ protezzjoni soċjali, strutturati madwar tliet kapitli: opportunitajiet indaqs u aċċess għas-suq tax-xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, protezzjoni u inklużjoni soċjali.

Wara irkupru soċjo-ekonomiku qawwi mill-pandemija tal-COVID-19, il-prinċipji tal-Pilastru jibqgħu rilevanti ħafna fil-kuntest attwali, fejn ħafna familji qed ibatu biex ilaħħqu mal-ħajja, iffaċċjati bi prezzijiet għola aggravati mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja.

Ħames snin wara, il-Kummissjoni ressqet aktar minn 130 inizjattiva biex timplimenta l-Pilastru għal Ewropa soċjali li ġusta, inklużiva u mimlija opportunitajiet. Dawn l-inizjattivi jvarjaw minn trasparenza fil-pagi u ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, pagi minimi u investiment fil-ħiliet, għall-ġlieda kontra l-faqar tat-tfal, dħul minimu, u l-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema.

Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali huwa appoġġjat ukoll minn fondi tal-UE biex jiġu implimentati proġetti li jippromwovu l-inklużjoni soċjali, jiġġieldu l-faqar u jinvestu fin-nies, jiġifieri permezz tal-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), il-Politika ta’ Koeżjoni, il-Faċilità ta’ Rkupru u Reżiljenza u InvestEU.