Sentejn ilu, l-Istati Membri approvaw il-Patt Ewropew għall-Ħiliet u ppreżentaw il-kontribuzzjonijiet tagħhom biex jilħqu l-mira soċjali tal-UE 2030 li jiġi żgurat li mill-inqas 60% tal-adulti jipparteċipaw f’korsijiet ta’ taħriġ kull sena. Dan huwa importanti wkoll biex tintlaħaq il-mira tar-rata ta’ impjieg ta’ mill-inqas 78% sal-2030.

F’dan il-kuntest, il-Patt għall-Ħiliet joffri pjattaforma unika ta’ kooperazzjoni li tgħaqqad flimkien organizzazzjonijiet pubbliċi u privati li jimpenjaw ruħhom li jidentifikaw liema ħiliet huma meħtieġa u li jieħdu impenji biex il-ħaddiema itejbu l-ħiliet, li jindirizzaw il-ħtiġijiet fis-suq tax-xogħol, li jappoġġjaw tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali kif ukoll strateġiji ta’ tkabbir lokali u reġjonali.

Il-partijiet interessati kollha li jingħaqdu mal-Patt jiffirmaw Karta li tiddeskrivi l-prinċipji dwar it-taħriġ ta’ kwalità, it-tagħlim tul il-ħajja u l-inklużjoni. Il-Patt għall-Ħiliet li għandu 1,000 membru u hu Element ċentrali tal-Aġenda Ewropea tal-Ħiliet, jiġbor fih kumpaniji multinazzjonali kbar, SMEs, fornituri lokali ta’ taħriġ, u kmamar tal-kummerċ.

Il-Kummissjoni pproponiet li l-2023 tagħmel is-Sena Ewropea tal-Ħiliet, u tagħti spinta ġdida għall-investiment fil-ħiliet madwar l-UE.