Il-mewt traġika ta’ żagħżugħ ta’ 20 sena f’sit ta’ kostruzzjoni u l-pjan tal-gvern li jintroduċi l-abort – żewġ kwistjonijiet li ddominaw l-aġenda tal-pajjiż għal diversi jiem – kixfu sitwazzjoni pjuttost ironika.

Minn naħa l-gvern u l-moviment favur l-abort huma determinati li jilleġiżlaw f’każ ta’ xenarju improbabbli ħafna (li s’issa qatt ma ġara f’Malta) f’każ li s-saħħa tal-omm tkun fil-periklu minħabba t-tqala tagħha. Dan li-ġenn sfrenat inħoloq wara li ċittadina Amerikana allegat li matul iż-żjara tagħha f’Malta li kienet qed tiġi miċħuda li tagħmel abort minkejja li ħajjitha kienet fil-periklu. Fil-verità, iżda, dan ma kienx il-każ u dan kien ikkorroborat minn dokumenti tal-Qorti li fihom l-Avukat tal-Istat insista li waqt li kienet qed tingħata l-kura fl-Isptar Mater Dei ma kienx hemm tali riskju. Madankollu, ir-raġuni wara l-intenzjonijiet u l-urġenza tal-gvern huma suspettużi għas-sempliċi raġuni li qatt ma ġara xenarju bħal dan f’għexieren ta’ snin.

Dawn is-suspetti ikomplu jikbru meta jkun paragunat il-mod dgħajjef li l-gvern mexa fi kwistjoni ħafna aktar serja – in-numru inkwetanti u għoli ta’ mwiet fl-industrija tal-kostruzzjoni li jinkludi mhux biss ħaddiema iżda terzi. Il-mistoqsija tberren – għaliex l-urġenza u l-għaġla li biha qed titmexxa l-leġiżlazzjoni tal-abort, ma ġietx adottata biex biex jitħarsu l-ħajjiet fl-industrija tal-kostruzzjoni?

Ċirkustanzi bħal dawn juru sitwazzjoni fejn mhux qed isir biżżejjed biex titħares il-ħajja tan-nies fl-industrija tal-kostruzzjoni filwaqt li qed tkun preżentata bidla fil-liġi biex jiġi dekriminalizzat il-qtil ta’ ħajjiet innoċenti – jiġifieri l-abort.

Huwa pjuttost ironiku li dawk favur l-abort qatt ma kien se jkollhom ċans li jieħdu sehem fil-kampanja li ma kienx għall-ġenituri tagħhom li kienu favur il-ħajja!

Id-dibattitu li għaddej dwar l-abort f’Malta se jkollu konsegwenzi ħafna usa’ peress li ladarba nilleġiżlaw biex nintroduċu l-abort, ma jkun hemm l-ebda ostaklu biex tiddaħħal l-ewtanasja. Tali sekwenza diġà ġiet ġrat f’pajjiżi oħra u jekk Malta tillegalizza l-abort, ma tkunx eċċezzjoni. Sal-lum għadna nistinkaw biex nipproteġu l-ħajja mill-konċepiment sal-mewt naturali. Dan kollu jista’ jinbidel ladarba nibdew nimminaw il-valur tal-ħajja.

Hu sinifikanti ħafna li ftit li xejn sar wara l-imwiet traġiċi li kien hemm fl-industrija tal-kostruzzjoni filwaqt li l-gvern qed jagħmel minn kollox biex jilleġiżla għal xenarju li sal-lum qatt ma seħħ. L-għan tagħna għandu jkun li niżguraw li l-ħaddiema u l-familji tagħhom ikollhom is-serħan tal-moħħ li jkunu jafu li se jmorru lura d-dar wara ġurnata xogħol. Sfortunatament, li nibagħtu l-kondoljanzi lill-qraba tal-ħaddiema li qed jitilfu ħajjithom, qed issir dejjem iktar frekwenti. Tabilħaqq, il-mod li bih qed jiżvolġu l-affarijiet huwa ta’ tħassib serju u sintomatiku ta’ prijoritajiet ħżiena fil-konfront  tal-valur tal-ħajja.