Se tkun diffiċli biex nirritornaw għan-normal?
Kulħadd qed jixxennaq għall-kalma tan-normalità. Imma nistgħu niddefenixxu verament dak li hu normali?
Jekk nosservaw dak li qed jiġri madwarna, naraw fost oħrajn diversi ekonomiji li qed jitħabtu biex iqumu fuq saqajhom. Matul din il-pandemija, numru ta’ ħaddiema batew finanzjarjament filwaqt li l-ħaddiema frontliners infilġu bix-xogħol li kellhom u ssagrifikaw il-ħin mal-familji tagħhom. Agħar minn hekk, xi familji tilfu persuni għeżież tagħhom u ddispjaċihom li ma setgħux ikunu ħdejhom fl-aħħar mumenti ta’ ħajjithom.
Dan iwassal lil ħafna minna biex naħsbu dwar in-normalità: meta l-affarijiet se jirritornaw għan-normal u kif se tkun in-normalità il-ġdida? In-normalità kif konna nafuha hi waħda fejn is-sistema fil-kura tas-saħħa u l-gvernijiet ma kinux ippreparati biex jindirizzaw kriżijiet bħal COVID-19. In-normalità il-ġdida se tkun kważi bħan-normalità il-qadima, bid-differenza li f’dik il-ġdida aħna (nittamaw) se nkunu aktar ippreparati għal pandemiji globali.
Nisperaw li n-normalità il-ġdida tbiddel dak li kien ħażin u żżomm dak li kien tajjeb min-normalità il-qadima. Bin-normalità il-ġdida s-soċjetà tagħna se tkun qed tagħmel bidliet għall-aħjar, bidliet li nittamaw li jkunu tajbin għall-għixien tal-komunitajiet tagħna.
Fix-xhur li ġejjin, ħajjitna għad “tirritorna għan-normal”. Għal xi wħud, din in-normalità se ddum ma tiġi. Xi negozji u ħwienet fetħu mill-ġdid; oħrajn sfortunatament żarmaw u l-ħaddiema tagħhom spiċċaw qiegħda. Jista’ jkun li aktar persuni jimirdu bil-virus u jkun hemm min jibqa’ taħtu.
Intant l-awtoritajiet tas-saħħa jibqgħu jfakkruna biex nibqgħu viġilanti u nibżgħu għal saħħitna. Il-Gvern diġà reħa mir-restrizzjonijiet. Kien hemm min qabel u kien hemm min baqa’ jikkummenta kontra u bl-aħrax fuq il-media soċjali.
Barra minn hekk, ilkoll se nibqgħu naffaċċjaw sfidi diffiċli li mhux se nkunu ppreparati għalihom. Ix-xjentisti u l-ispeċjalisti tas-saħħa se jipprovaw jegħlbu dawn l-isfidi; se jkun qed jirnexxielhom b’xi mod, imma l-isfidi se jibqgħu ġejjin.