Waqt intervista  li xxandret b’mod dirett fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Parlament Ewropewiċ-Chair tal-Kumitat fuq il-Budgets, Johan Van Overtveldt ikkummenta dwar il-fond għall-irkupru ekonomiku li kien tħabbar mill-Kummissjoni u saħaq il-pożizzjoni tal-Parlament li l-fond għandu jkun  sostanzjali, u wkoll li għandu jkun parti mill-budget Ewropew li jmiss għall-perijodu 2021-2027 (il-Qafas Finanzjarju Multi annwali) 

Dwar  il-mistoqsija tal-għotjiet finanzjarji versu s-self, hu jrid jara li l-fond iżomm bilanċ bejn  is-solidarjetà għall-pajjiżi li huma l-aktar milqutin u s-solidarjetà: “Għall-ġranet li ġejjin, ġimgħat u xhur, l-ikbar  sfida hi li jinstab l-aħjar bilanċ bejn  ir-responsabbiltà u s-solidarjetà, sabiex kulħadd ikun jista’ jaqbel fuq kompromess finali”. 

Hu saħaq dwar l-importanza li wieħed jipprepara għal pjan ta’ kontinġenza tal-MFF, li l-Parlament mistenni li jitlob mingħand il-Kummissjoni f’resoluzzjoni separata: “Meta niltaqgħu f’Ġunju, iż-żmien  se jkun  qasir biex ikollna votazzjoni fuq il-MFF u li jkun qed jaħdem fiż-żmien opportun. Il-waqfa tal-programmi  Ewropej preżenti se tkun ħażina ħafna għaċ-ċittadini issa u għar-reputazzjoni u l-għaqda politika tal-UE.” 

Hu żied: “Tassew, il-Parlament Ewropew għandu rwol importanti x’jaqdi f’dan il-proċess sħiħ – il-kunsens tal-Parlament għandu jinkiseb u dan tabilħaqq huwa xi ħaġa ferm inqas żgur milli kien għall-MFF preżenti, li issa wasal biex jintemm. Allura kulħadd – il-Kummissjoni, il-Kunsill – għandu jieħu nota tal-intenzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Qed nara x-xewqa fil-Parlament li verament juri li aħna m’aħniex hawn għall-interessi tagħna, imma fl-interess taċ-ċittadini, biex inkunu ċerti li l-MFF u l-fond tal-irkupru jkunu l-aħjar tweġibiet possibbli għal din il-kriżi serja li qed ngħixu bħalissa u li se jkollha l-konsegwenzi tagħha għal diversi snin, għaċ-ċittadini Ewropej kollha.”