Se tagħmel resoluzzjonijiet professjonali din is-sena?
Bdejna sena ġdida u xi wħud minna jagħmlu r-resoluzzjonijiet tagħhom. Kull sena kważi l-maġġoranza tagħna tagħmel lista ta’ resoluzzjonijiet sabiex intejbu lilna nfusna f’kull aspett ta’ ħajjitna. Iżda, aktar iva milli le, donnu niffokaw fuq ir-resoluzzjonijiet personali milli dawk professjonali. Ir-resoluzzjonijiet għandhom japplikaw għall-aspetti kollha ta’ ħajtek, inkluż il-karriera tiegħek u l-post tax-xogħol tiegħek.
Wieħed jista’ jikkunsidra diversi resoluzzjonijiet sabiex itejjeb il-qagħda tiegħu bħala ħaddiem. Nibdew bl-apparat ċellulari. L-ismartphones huma kunsidrati bħala aspett importanti tal-ħajja moderna għax jgħinuk biex tibqa’ aġġornat ma’ dak li jkun qed iseħħ madwarek. Emmen jekk trid, l-ismartphones jaffettwaw il-produttivita’ tagħna fil-post tax-xogħol b’mod ħażin. Filwaqt li ninsabu klikk ‘il bogħod minn kollox, din il-kultura li dejjem irridu nibqgħu online, ittellef lill-ħaddiema. Din is-sena li għadha kemm tibda, agħmel resoluzzjoni li twarrab is-smartphone tiegħek u ffoka aktar fuq ix-xogħol. Meta twarrab it-telefon ċellulari tiegħek, jonqsu l-aljenazzjonijiet u minflok tagħti l-massimu tiegħek fix-xogħol.
Filwaqt li hu importanti li tagħmel resoluzzjonijiet għall-iżvilupp professjonali tiegħek, hu wkoll importanti li tiffoka fuq saħħtek fil-post tax-xogħol. Hu importanti li tiżviluppa drawwiet fil-konsum ta’ ikel bnin u tajjeb għas-saħħa għax bħala medja, ilkoll inqattgħu aktar minn 65 fil-mija tal-ġurnata fil-post tax-xogħol. L-ikel li nieklu matul dan l-akbar porzjon tal-ġurnata, jaffettwa l-mod kif niffunzjonaw fil-kumplament tal-jum. Dan jista’ jkollu effett dirett fuq il-produttivita’ tiegħek fil-post tax-xogħol. Allura, din is-sena, agħmel sforz biex tiekol ikel li jkun tajjeb għas-saħħa.
Il-bilanċ fil-post tax-xogħol hu wieħed mill-aktar kwistjonijiet sottovalutati li l-ħaddiema jħabbtu wiċċhom magħhom ta’ kuljum. Għalkemm inti tkun tħobb ix-xogħol, xi kultant, ikun diffiċli li żżomm bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja personali. Din is-sena agħmel resoluzzjoni sabiex taqta’ linja bejn ix-xogħol u l-familja. Iddefenixxi x’inhuma l-prijoritajiet tiegħek u kemm sigħat fil-ġimgħa tista’ tagħti. Jista’ jkun diffiċli biex issib bilanċ fil-bidu, iżda maż-żmien tista’ titgħallem tibbilanċja bejn ix-xogħol u l-ħajja personali.
Filwaqt li l-impjegati jfittxu l-apprezzament u l-approvazzjoni mill-managers tagħhom, jidher li qed jinsew ħaġa importanti ħafna. Aktar milli jiksbu tifħir mingħand ħaddieħor, bħala bnedmin, ilkoll nixxenqu l-approvazzjoni tagħna stess. Ma tistax tapprezza x-xogħol tajjeb ta’ ħaddieħor meta ma tagħrafx ix-xogħol tajjeb li tagħmel int. Allura agħmel resoluzzjoni din is-sena billi tfaħħar lilek innifsek meta tikseb xi ħaġa. B’hekk tkun qed issaħħaħ il-kunfidenza tiegħek u timbotta lilek innifsek biex taħdem iżjed.
Barra minn hekk ilkoll għandna lista ta’ affarijiet li rridu nitgħallmu sabiex intejbu lilna nfusna iżda xi kultant m’aħniex motivati biżżejjed biex nibdew. Din is-sena, agħmel punt li titgħallem xi ħaġa ġdida – tista’ tkun relatata max-xogħol li tagħmel jew inkella xi ħaġa li tgħinek biex tibqa’ iffokat u motivat fix-xogħol.
Kulħadd għandu xi ħaġa għal qalbu u li mhix relatata max-xogħol, mal-karriera, mas-suċċess, mal-miri u mal pjani. Tista’ timpenja ruħek fil-volontarjat, titgħallem strument mużikali jew tibda xi passatemp ġdid.
Hu importanti li ssib xi ħaġa għal qalbek lil hinn mix-xogħol u l-karriera. Dan hu favur żgħir li tista’ tibda tagħmel lilek innifsek tul is-sena l-ġdida. Dan jgħin lill-moħħ biex jirrilassa wara dawk is-sigħat ta’ xogħol stressanti.