Dikjarazzjoni mill-President tal-Parlament Ewropew David Sassoli dwar il-laqgħa tal-Eurogrupp

 

“F’dan il-mument hemm bżonn li jsir ħafna aktar. Iċ-ċittadini, in-negozji, il-familji, iż-żgħażagħ tagħna huma mħassba dwar futur inċert minħabba li fil-pajjiżi kollha tagħna din il-kriżi, u l-emerġenza tas-saħħa, se jeqirdu miljuni ta’ impjiegi. F’dawn l-aħħar ġimgħat, meta l-Ewropa aġixxiet, it-tweġibiet tagħha kienu utli biex niffaċċjaw l-isfida. Eżempju ta’ dan huwa l-illaxkar tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, li ppermetta lill-pajjiżi tagħna jagħmlu interventi b’saħħithom biex jappoġġjaw liċ-ċittadini u lin-negozji tagħhom. Madankollu, fejn l-Ewropa ma intervenietx, it-tweġiba kienet dgħajfa jew xejn affattu. Għal dan il-għan, il-gvernijiet nazzjonali għandhom jassumu responsabbiltà kbira. Minħabba li issa għandna bżonn l-għodod biex negħlbu din l-emerġenza u nibdew bil-pjan ta’ rikostruzzjoni. Irridu nkunu ppreparati għall-effetti ta’ din il-kriżi.

 

“Illum l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) qalet li 2.5 biljun ruħ madwar id-dinja se jesperjenzaw effetti negattivi minħabba l-kriżi. Kemm se jiġu affettwati miljuni ta’ nies fl-Ewropa? Għandna d-dmir li nipproteġuhom, fit-Tramuntana, fin-Nofsinhar, fil-Lvant u fil-Punent. S’issa implimentajna miżuri sinifikanti: appoġġ għal sistemi nazzjonali biex nillimitaw il-qgħad (SURE); kundizzjonijiet imtejba għall-użu tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES), għal pajjiżi li jixtiequ jużawha; rifinanzjament tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) immirat primarjament għall-ħarsien ta’ negozji żgħar u ta’ daqs medju; u l-“Bazoooka” tal-BĊE b’appoġġ għal-likwidità tal-banek u għax-xiri ta’ bonds pubbliċi u privati.

“Madankollu, illum il-kriżi teħtieġ li nagħmlu iżjed: jeħtieġ li noħolqu fond għall-irkupru ekonomiku biex jiġu kondiviżi l-ispejjeż biex l-ekonomiji tagħna jingħataw bidu mill-ġdid. Dan se jieħu ħafna flus, il-baġit tal-UE huwa limitat wisq u mhux se jkun biżżejjed. Jeħtieġ li nsibu modi ġodda, straordinarji u kondiviżi biex jiġi ffinanzjat dan l-irkupru. Mhix biss kwistjoni ta’ solidarjetà, huwa fl-interess ta’ kulħadd, minħabba l-fatt li l-ekonomiji Ewropej huma interkonnessi b’mod profond. Il-kollass ta’ pajjiż wieħed inevitabbilment ikollu konsegwenzi drammatiċi għall-oħrajn kollha. F’dan il-kuntest, ir-rispons tal-Eurogrupp irid jagħmel tajjeb għal din l-isfida.

“Il-gvernijiet u ċ-ċittadini għandhom jemmnu fis-setgħa tal-Ewropa, li tatna 70 sena ta’ kollaborazzjoni u paċi. Illum aktar minn qatt qabel irridu ninvestu fil-futur komuni tagħna.”

 

(Dan l-artiklu kien pubblikat fit-8 ta’ April 2020)