San Pawl il-Baħar hi l-iktar lokalità fejn ġew reġistrati kirjiet residenzjali privati fl-2022, b’7,017-il kuntratt, segwit minn Tas-Sliema (3,807) u l-Imsida (2,984). Jirriżulta wkoll minn fost dawk li applikaw għas-sussidju tal-Gvern, l-akbar numru kellhom spiża ta’ bejn €7,001 u €9,000 kera fis-sena (€584 sa €750 fix-xahar), segwiti b’dawk li ħallsu bejn €5,001 u €7,000 (€417 sa €584). B’kollox fl-2022 kien hemm 4,154 inkwilin li bbenefikaw minn din l-għajnuna għal total ta’ €8.4 miljun.

Din l-istatistika toħroġ mir-rapport annwali tal-Awtorità tad-Djar għall-2022, li jagħti ħarsa estensiva lejn dan is-settur li għadda minn riforma qawwija fl-2020 meta daħal l-obbligu li kull kirja residenzjali privata tkun reġistrata ma’ din l-Awtorità. Minn dan ir-rapport jirriżulta wkoll li l-Gżira (2,661) u San Ġiljan (2,313) ukoll kienu lokalitajiet popolari għall-postijiet għall-kiri.  Barra minn hekk Marsaskala, Birkirkara u s-Swieqi ukoll kienu relattivament ’il fuq f’din il-lista b’aktar minn 1,500 kirja residenzjali. F’Għawdex l-aktar popolari kienu ż-Żebbuġ li jinkludi Marsalforn u r-Rabat.

Aktar minn 35,000 kuntratt reġistrat fl-2022

Fl-2022 kienu sottomessi b’kollox 36,438 kuntratt u li minnhom – wara li saru l-verifiki neċessarji biex ikun żgurat li huma konformi mal-liġi – ġew attivati 33,913. Fil-maġġoranza tal-każi (29,375) il-kirjiet kienu twal (sena jew aktar) filwaqt li kien hemm 5,261 ta’ kirjiet residenzjali ta’ spazju kondiviż, jiġifieri kiri ta’ spazju separat f’appartament jew bini, b’kumditajiet maqsuma bħal kċina u kmamar tal-banju.

Kien hemm 709 kuntratti li ġew rifjutati peress li ma jaqgħux taħt din il-liġi partikolari li ma tapplikax għal kirjiet kummerċjali, ċnus, kirjiet ta’ qabel 1995 u kirjiet għal skop turistiku. Barra minn hekk kien hemm 1,816-il-kuntratt fejn l-Awtorità talbet li jsiru xi bidliet. Meta wieħed jikkunsidra l-kuntratti li saru fl-2022, imma ġew sottomessi din is-sena, it-total għall-2022 jitla’ għal 35,098. B’kollox mid-dħul fis-seħħ tal-liġi fl-2020,  fl-2022 kien hemm 45,908 kuntratti tal-kirjiet li kienu għadhom attivi.  

Matul l-2022, ġew imġedda 20,943 kuntratt – 2,232 li sar ftehim bejn il-partijiet filwaqt li 18,711 ġew imġedda b’mod awtomatiku hekk kif joħroġ mil-liġi peress li sid il-kera ma innotifikax tliet xhur qabel l-iskadenza tal-kuntratt oriġinali. Minn dan l-ammont, sal-aħħar ta’ Diċembru, 4,288 ġew terminati mill-partijiet.

B’kollox twaqqfu 20,691 reġistrazzjoni qabel kien għadda t-tul ta’ żmien  tal-kuntratt. F’57 fil-mija tal-każi it-terminazzjoni saret b’mod reċiproku, filwaqt li 28 fil-mija kienu mingħajr avviż mill-kerrej, 3 fil-mija fejn is-sid ta avviż lill-inkwilin li mhux se ġġedded il-kirja.  

Fl-2022, daħlu 295 rapport ta’ abbuż mingħand terzi filwaqt li 84 ġew magħluqa. Il-każijiet pendenti li għadhom qed jiġu investigati jew li qegħdin fil-proċess li jitressqu quddiem il-Qorti Kriminali jammontaw għal 211.