L-2023 ġiet magħżula mill-Kummissjoni Ewropea bħala s-Sena Ewropea tal-Ħiliet bl-għan ċar li tagħti s-setgħa lin-nies biex jiffaċċjaw b’suċċess il-bidliet fis-suq tax-xogħol. Dan irid jiżgura li ħadd ma jibqa’ lura, l-irkupru ekonomiku kif ukoll li t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali jkunu soċjalment ġusti. Forza tax-xogħol b’ħiliet imfittxija tikkontribwixxi wkoll għal tkabbir sostenibbli, innovazzjoni u ssaħħaħ il-kompetittività.

Matul is-snin il-UHM Voice of the Workers kienet attiva ħafna f’dan ir-rigward u t-twaqqif tal-fergħa edukattiva tagħha fil-forma St Gabriel’s Institute huwa xhieda ta’ dan. Sfortunatament, minkejja li għandhom l-infrastruttura fis-seħħ it-trejdunjins f’Malta qed jiffaċċjaw diversi ostakli minħabba ċertu burokrazija, sal-punt li kors jaf jieħu sa ħames snin biex jibda jkun offrut. Minkejja dan, kien hemm ukoll suċċessi bħall-Youth Guarantee u diversi korsijiet għall-uffiċjali tas-sigurtà u sewwieqa tal-karozzi tal-linja.

B’kuntrast fil-pajjiżi Nordiċi, it-trejdjunjins huma protagonisti ewlenin fit-taħriġ, sal-punt li meta l-membri jispiċċaw bla xogħol, iżidu l-appoġġ tagħhom biex kemm jista’ jkun malajr isibulhom impjieg.

Il-miġja tal-intelliġenza artifiċjali speċjalment permezz tal-applikazzjonijiet onlajn hija waħda mill-muturi ewlenin tal-bidla. Eżempju bħal dan huma l-applikazzjonijiet li kapaċi joħolqu korsijiet edukattivi sal-inqas dettall, u b’hekk jiffrankaw ħin u spejjeż meta mqabbla mal-metodi tradizzjonali li bihom wieħed kien ikollu jikkummissjona xogħol bħal dan lill-esperti.

Aspett ewlieni ieħor li jeħtieġ li jiġi indirizzat huwa d-dipendenza dejjem tikber ta’ ħaddiema barranin mhux imħarrġa, speċjalment ċittadini ta’ pajjiżi terzi bħal dawk mill-Asja. Kif tista’ l-ekonomija Maltija taspira li tagħmel qabża ta’ kwalità jekk qed tiddependi dejjem aktar fuq il-ħaddiema, ftit li xejn huma mħarrġa u bilkemm kapaċi jitkellmu jikkomunikaw lanqas bl-Ingliż? Kif nistennew ħaddiema Nepaliżi jew Indjani ġejjin minn parti rurali ta’ dawn il-pajjiżi li qatt ma kienu mħarrġa biex jagħtu servizz f’akkomodazzjoni ta’ livell għoli, biex iservu lill-mistednin f’lukanda ta’ erba’ stilel?

L-apprendistat huwa wkoll qasam ieħor li jeħtieġ attenzjoni. Filwaqt li min iħaddem ilu jilmenta minn nuqqas ta’ ħaddiema f’ċerti xogħlijiet manwali, huwa diffiċli li wieħed jemmen li m’hemm assolutament l-ebda interess minn żgħażagħ Maltin biex jitgħallmu ħiliet bħal plumbing, installazzjonijiet elettriċi, tiswija ta’ arja kondizzjonata u aspetti bażiċi tal-installazzjoni tal-IT. Kemm aħna bħala pajjiż qegħdin verament inħejju s-sistema edukattiva tagħna biex nindirizzaw dawn in-nuqqasijiet?

Fl-aħħar mill-aħħar, l-element komuni f’dawn l-aspetti kollha hija l-viżjoni ekonomika. Għal dawn l-aħħar għaxar snin it-tkabbir ekonomiku kien ibbażat kważi esklussivament fuq it-tkabbir tal-popolazzjoni, in-numri u l-konsum. Din l-istrateġija li ma tħarisx fit-tul qed inħallsu l-prezz tagħha, bl-infrastruttura ta’ Malta qed tispiċċa dejjem iktar taħt pressjoni u t-traffiku jilħaq livelli mhux sostenibbli għad-detriment tal-ambjent u l-kwalità tal-ħajja. Għalhekk, huwa kruċjali li jkun hawn viżjoni ekonomika fit-tul ibbażata fuq il-valur miżjud. Sakemm, id-direzzjoni ekonomika mhux se tinbidel, ma jistax ikun hemm art fertili biex jittejbu l-ħiliet tal-ħaddiema tagħna.