Madwar 10,000 żagħżugħ mill-UE u lil hinn se jiltaqgħu fi Strasburgu biex jiddiskutu l-futur tal-Ewropa, fl-isfond tal-gwerra fl-Ukrajna u l-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin. Nhar il-Ġimgħa 9 u s-Sibt 10 ta’ Ġunju, l-Avveniment Ewropew taż-Żgħażagħ 2023 (EYE 2023) se jinkludi aktar minn 300 attività fiżika u ibrida — dibattiti, diskussjonijiet, opportunitajiet ta’ netwerking, prestazzjonijiet artistiċi, attivitajiet sportivi u workshops interattivi. Dawn inħolqu flimkien mal-istituzzjonijiet tal-UE, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, is-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-parteċipanti nfushom. L-avveniment huwa organizzat mill-Parlament Ewropew fi Strasburgu, b’parti mill-programm isir barra fil-Villaġġ tal-EYE. Se tkun ukoll possibbli parteċipazzjoni online fl-avveniment.

L-elezzjonijiet Ewropej 2024 biex jissawar il-futur tal-UE

Il-President tal-PE Roberta Metsola se tiftaħ l-avveniment nhar il-Ġimgħa fl-10.30 fl-emiċiklu tal-Parlament. Attivitajiet sussegwenti fil-bini tal-PE u fil-Villaġġ tal-EYE se jippermettu lill-parteċipanti jiddiskutu l-ideat tagħhom ma’ dawk li jfasslu l-politika u ma’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, l-esperti u l-attivisti.

“L-Avveniment Ewropew taż-Żgħażagħ ta’ din is-sena huwa partikolarment importanti, għaliex huwa l-aħħar wieħed qabel l-elezzjonijiet Ewropej fl-2024. L-appell tiegħi lill-parteċipanti kollha huwa li jieħdu din l-esperjenza lura fil-bliet, u l-irħula tagħhom. Involvu ruħkom. Xerrdu l-messaġġ tal-Ewropa. Ivvutaw. Ħeġġu lill-ħbieb u l-familji tagħkom biex jivvutaw. Fl-aħħar mill-aħħar, il-futur tal-Ewropa jiddependi minnek”, qalet il-President Metsola.

Sib aktar dettalji dwar l-iskeda, il-kelliema u l-attivitajiet (inklużi żewġ kunċerti fil-miftuħ il-Ġimgħa u s-Sibt filgħaxija) fil-programm.


Eżitu tad-diskussjonijiet

Wara s-sessjoni tal-għeluq tas-Sibt fl-16.30, l-ideat, l-aspettattivi u t-tħassib taż-żgħażagħ se jinġabru flimkien f’Rapport dwar l-Ideat taż-Żgħażagħ, li għandu jitqassam lill-MPE kollha. Xi parteċipanti se jkunu jistgħu jiżviluppaw l-ideat li jqisu l-aktar ta’ ispirazzjoni u jippreżentawhom direttament lill-MPE matul seduta tal-EYE ppjanata għall-Ħarifa 2023.