Rapport tal-Parlament Ewropew jgħid li l-miżuri tal-gvern biex jindirizzaw iż-żieda fl-għoli tal-ħajja mhux jilħqu l-aspettattivi tan-nies hekk kif Malta rreġistrat l-ogħla tnaqqis fil-livelli ta’ sodisfazzjon dwar il-ħidma tal-gvern f’dan il-qasam.

Stħarriġ tal-Eurobaromter li sar fir-Rebbiegħa sab li meta mqabbel ma’ Ottubru-Novembru 2022, is-sodisfazzjon bil-miżuri meħuda mill-gvernijiet nazzjonali biex jindirizzaw iż-żieda fl-għoli tal-ħajja naqas f’14-il pajjiż. Malta (34%, -32 pp) tispikka għal tnaqqis partikolarment kbir fil-livell ta’ sodisfazzjon, segwita mill-Portugall (28%, -11 pp) u s-Slovenja (25%, -10 pp). Dan kollu jfisser li f’Malta 64% fil-mija mhux sodisfatti bil-mod kif il-gvern qed jiġġieled l-għoli tal-ħajja.

Bil-maqlub, il-livell ta’ sodisfazzjon żdied f’sitt pajjiżi: il-Polonja (47%, +9 pp), id-Danimarka (54%, +8 pp), il-Belġju (44%, +8 pp), il-Ġermanja (39%, +8 pp). ), il-Litwanja (29 %, +8 pp) u l-Latvja (26 %, +4 pp).

Għalkemm l-inflazzjoni qed tħalli impatt globali, fil-każ ta’ Malta l-akbar tħassib jirrigwarda l-prezzijiet tal-ikel li qed jirreġistraw żidiet qawwija. Oġġetti essenzjali bħall-ħobż, iċ-ċereali, u l-prodotti tal-ħalib żdiedu sew, bl-aħħar żieda tkun ix-xahar li għadda. Is-sitwazzjoni tista’ tmur għall-agħar jekk il-gvern jieqaf jissussidja l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel, u kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Nuqqas ta’ sodisfazzjon ukoll dwar l-UE

Il-livell ta’ sodisfazzjon bil-miżuri meħuda mill-UE naqas ukoll minn Ottubru-Novembru 2022 fi 13-il pajjiż, bi tnaqqis b’aktar minn għaxar punti perċentwali għal darb’oħra f’Malta (28%, -24 pp) fejn 54% mhux sodisfattti, il-Portugall (33%, -12 pp) u s-Slovenja (23%, -11 pp).

B’kuntrast, fi tmien pajjiżi kien hemm sentiment oppost għax il-livell ta’ sodisfazzjoni żdied. Dan seħħ speċjalment fil-Ġermanja (36%, +9 pp), il-Latvja (33%, +9 pp) u l-Belġju (39%, +8 pp). Ir-riżultati huma stabbli f’sitt pajjiżi oħra.

L-ETUC tinstema’ twissija u timmarka s-sitwazzjoni ta’ Malta

Is-sitwazzjoni ta’ Malta ġibdet l-attenzjoni wkoll lill-Kunsill Ewropew tat-Trade Unions (ETUC), li esprima t-tħassib tiegħu. Fi stqarrija l-ETUC wissa li s-sejħa tal-Kummissjoni Ewropea biex il-gvernijiet nazzjonali ma jibqgħux jissussidjaw il-prezzijiet tal-enerġija tista’ tfisser inkwiet kbir. Barra minn hekk, tenna l-proposta tiegħu għal capping fuq il-prezzijiet tal-ikel.

“Il-mexxejja tal-UE qed jaġixxu bħallikieku spiċċat il-kriżi tal-għoli tal-ħajja iżda l-istħarriġ tagħhom stess juri li n-nies għadhom qed jitħabtu u għandhom bżonn aktar għajnuna” qalet is-segretarja ġenerali tal-ETUC Ester Lynch.

“Mhux biss għadu kmieni wisq biex jiġu rtirati l-miżuri ta’ appoġġ, iżda l-istħarriġ juri li l-miżuri attwali ma jmorrux ’il bogħod biżżejjed biex jagħmlu differenza reali għall-ħajja tan-nies.”

“Il-Kummissjoni Ewropea trid tisma’ t-tħassib tan-nies u tbiddel ir-rotta. L-uniċi nies li se jibbenefikaw minn ritorn għall-awsterità f’nofs kriżi tal-għoli tal-ħajja huma l-lemin estrem,” wissiet is-segretarja ġenerali tal-ETUC.