Il-PE ippubblika l-istħarriġ tiegħu tal-Eurobarometer għar-Rebbiegħa 2023. Dan juri l-appoġġ qawwi taċ-ċittadini għad-demokrazija u li huma jafu sew bl-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin.

Sena qabel l-elezzjonijiet Ewropej li jmiss, l-interess tal-pubbliku f’dawn l-elezzjonijiet żdied sew. Maġġoranza ċara taċ-ċittadini (56%) huma interessati fl-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin, 6 punti ogħla meta mqabbel mal-2018, sena qabel l-aħħar elezzjonijiet Ewropej.

Madwar żewġ terzi tal-parteċipanti (67%) jgħidu li x’aktarx jivvutaw kieku l-elezzjonijiet Ewropej kellhom isiru l-ġimgħa d-dieħla. Mistoqsija simili kienet saret fl-istħarriġ ta’ April 2018, fejn 58% qalu li x’aktarx kienu se joħorġu jivvutaw. Dan jindika li bħalissa ċ-ċittadini aktar għandhom ħeġġa jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej tal-2024 milli kellhom fi żmien simili qabel l-elezzjonijiet tal-2019. F’Malta 64% huma interessati fl-elezzjonijiet tal-2024, u l-persentaġġ ta’ nies li x’aktarx jivvutaw huwa ta’ 66%.

L-elezzjonijiet huma l-pedament ta’ kull demokrazija, u b’hekk iċ-ċittadini Ewropej iqisu li d-demokrazija hija l-aktar valur importanti li l-Parlament Ewropew għandu jiddefendi: 37% tal-parteċipanti jqisu d-difiża tad-demokrazija bħala prijorità, segwita mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-UE u madwar id-dinja (28%), kif ukoll il-libertà tal-kelma u l-ħsieb (27%).

54% tal-parteċipanti huma sodisfatti bil-mod ta’ kif id-demokrazija fl-UE taħdem. Jekk inħarsu lejn id-diversi elementi tad-demokrazija fl-UE, iċ-ċittadini huma l-aktar sodisfatti bl-elezzjonijiet ħielsa u ġusti (70%), bil-libertà tal-kelma (70%) u bir-rispett għad-drittijiet fundamentali (66%), filwaqt li huma inqas sodisfatti bil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni u l-korruzzjoni.

Għall-Maltin, huma d-drittijiet tal-bniedem li huma l-ogħla prijorità li l-PE għandu jiddefendi, b’34% jkollhom din l-opinjoni, segwiti mill-qrib minn 33% li jgħidu li d-demokrazija hija l-ogħla valur li għandu jiddefendi, filwaqt li għal 27% huwa l-istat tad-dritt.

61% tal-Maltin li wieġbu huma sodisfatti bil-mod kif taħdem id-demokrazija fl-UE. L-aspetti tad-demokrazija li l-Maltin huma l-aktar sodisfatti bihom huma elezzjonijiet ħielsa u ġusti (78%); il-possibbiltà għaċ-ċittadini individwali li jipparteċipaw fil-ħajja politika (73%); u d-diversità tal-midja (68%).

Issa li għaddew erba’ snin mil-leġiżlatura attwali tal-Parlament Ewropew, iċ-ċittadini Ewropej jirrikonoxxu r-rwol ewlieni li l-UE kellha fil-mod ta’ kif ġew indirizzati l-kriżijiet konsekuttivi li kkaratterizzaw dan il-perjodu. Il-maġġoranza l-kbira taċ-ċittadini tal-UE huma konxji tal-impatt li l-UE tħalli fuq ħajjithom: Madwar sebgħa minn kull għaxra (71%) huma ta’ din il-fehma, inklużi kważi persuna minn kull ħamsa (18%) li għalihom l-azzjonijiet tal-UE jħallu “ħafna” impatt. Ir-rwol tal-Parlament Ewropew huwa rikonoxxut ukoll – 62% jiftakru li reċentement semgħu dwar il-PE.

F’Malta, huma wkoll 62% ta’ dawk li wieġbu li qalu li dan l-aħħar raw jew semgħu fil-midja aħbarijiet dwar il-Parlament Ewropew. 87% tal-Maltin iħossu li l-UE għandha impatt fuq il-ħajja tagħhom ta’ kuljum fosthom 22% li għalihom l-UE għandha “ħafna” impatt.

Dwar il-gwerra fl-Ukrajna

L-appoġġ tal-UE għall-Ukrajna jispikka bħala l-azzjoni li ċ-ċittadini huma l-aktar sodisfatti biha: 69% huma sodisfatti b’dawn l-azzjonijiet. Huma l-aktar sodisfatti fl-Olanda (90%), fl-Iżvezja (87%), fil-Finlandja (87%) u fl-Irlanda (87%). Il-parteċipanti fis-Slovakkja (45%) u fil-Greċja (48%) għandhom ir-rati ta’ sodisfazzjon l-aktar baxxi. Iċ-ċittadini huma relattivament sodisfatti anki bl-azzjoni tal-UE fl-oqsma li jipproteġu d-drittijiet demokratiċi u r-rispett tal-istat tad-dritt (64%) kif ukoll il-politika barranija (54%).

F’Malta, f’termini ta’ livell ta’ sodisfazzjon bil-ħidma tal-UE f’oqsma ta’ politika ewlenin, 76% qalu li huma sodisfatti bl-appoġġ tal-UE lill-Ukrajna; 66% huma sodisfatti bil-politika tal-Aġenda Diġitali; u 62% esprimew sodisfazzjon fir-rigward tal-politika tad-drittijiet demokratiċi u l-istat tad-dritt.

Dwar il-livell tal-għixien u l-għoli tal-ħajja

Id-diversi kriżijiet tal-aħħar snin jidhru biċ-ċar meta nħarsu lejn l-istat tal-ekonomija u s-sitwazzjoni finanzjarja taċ-ċittadini. Nofs il-parteċipanti (50%) raw tnaqqis fil-livell tal-għajxien tagħhom u qed jistennew li dan ikompli s-sena d-dieħla. 29% oħra għadhom ma ħassewx tali tnaqqis iżda qed jistennew li dan jiġri matul is-sena d-dieħla. F’Malta 62% raw tnaqqis fil-livell tal-għajxien tagħhom u jistennew li dan ikompli matul is-sena d-dieħla, filwaqt li 21% oħra jistennew li dan ikun il-każ is-sena d-dieħla.

Dan iżid ukoll l-aspettattivi għal soluzzjonijiet konkreti: Kważi żewġ terzi tal-parteċipanti Ewropej (65%) mhumiex sodisfatti bil-miżuri li pajjiżhom ħa biex jindirizza l-kriżi tal-għoli tal-ħajja, u 57% mhumiex sodisfatti b’dak li l-UE għamlet biex ittaffi din is-sitwazzjoni. F’Malta, 64% mhumiex sodisfatti bil-miżuri meħuda mill-gvern, u 54% mhumiex sodisfatti b’dak li għamlet l-UE.

B’hekk, iċ-ċittadini jridu li l-Parlament Ewropew jagħti prijorità lill-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali (38%). Wara din hemm is-saħħa pubblika (33%), l-azzjoni kontra t-tibdil fil-klima (31%) u l-appoġġ lill-ekonomija u l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda (31%).

F’Malta l-azzjoni kontra t-tibdil fil-klima tibqa’ l-ogħla prijorità (40%), segwita mis-saħħa pubblika (39%), u l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali għal 37% (b’żieda sinifikanti ta’ 12pp.

Ir-riżultati sħaħ jinsabu hawnhekk.