Ir-riforma tal-kunsilli lokali tal-2019  wasslet biex l-Imtarfa u San Ġwann jispiċċaw iżolati għal kollox mir-reġjun tagħhom – xi ħaġa li għaliha ma tista’ tinstab l-ebda spjegazzjoni loġika. Din l-anomalija toħroġ fid-deher fil-mappa reġjonali tal-kunsilli lokali, fejn dawn iż-żewġ lokalitajiet spiċċaw qishom żewġ ‘gżejjer’ tar-reġjun tat-Tramuntana li ħarġu mix-xejn fil-bqija tal-gżira.

Sitwazzjoni bħal din, tista’ titqabbel ma’ ċirkostanzi pjuttost strambi fejn stati jew reġjuni ikunu imdawrin minn pajjiżi oħra (enclaves) bħal pereżempju l-Vatikan fl-Italja jew Kaliningrad, li huwa territorju Russu bejn il-Polonja u l-Litwanja.

Investigazzjoni tal-Voice of the Workers Weekly żvelat li bħala parti mir-riforma tal-2019 li fiha n-numru totali ta’ reġjuni żdied minn ħamsa għal sitta, ir-Rabat ġie mċaqlaq mit-Tramuntana għall-Punent. Għal xi raġuni iżda, l-Imtarfa li mdawwra kollha kemm hi mir-Rabat, tħalliet fir-reġjun tat-Tramuntana. B’hekk l-Imtarfa ġiet kompletament ‘iżolata’.

Fil-każ ta’ San Ġwann, id-deċiżjoni hija stramba wkoll. Ir-riforma fissret li l-Għargħur, is-Swieqi u Pembroke li qabel kienu fit-Tramuntana ġew trasferiti għar-reġjun tal-Lvant. Filwaqt li dan iċ-ċaqliq jagħmel sens, San Ġwann li jinsab aktar lejn in-nofsinhar ġie rilokat fir-reġjun tat-Tramuntana – deċiżjoni li minn perspettiva ġeografika ma fiha loġika ta’ xejn.

Ikkuntattjat għar-reazzjoni tiegħu, il-President tal-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali Mario Fava ma daħalx fil-merti speċifiċi tal-kwistjoni dwar l-Imtarfa u San Ġwann.

Irrimarka li l-bidliet kienu saru fi żmien is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis b’konsultazzjoni mal-kunsilli, ir-reġjuni u kumitat inkarigat li jissorvelja r-riforma.

Il-bidliet kienu immirati primarjament biex iżidu r-reġjuni minn ħamsa għal sitta, biex iġibu aktar uniformità fl-iskedi tal-ġbir tal-iskart domestiku, u biex ikun hemm numru ugwali ta’ djar f’kull reġjun.

Madankollu, ammetta li ċerti bidliet setgħu saru aħjar, bħall-Marsa li missa tpoġġiet fir-reġjun tal-port. Hu qal, għajr għal xi eċċezzjonijiet żgħar, il-lokalitajiet fl-istess reġjun imissu ma’ xulxin.

Dwar il-fatt li d-distribuzzjoni ġeografika tal-Imtarfa u San Ġwann fi ħdan ir-reġjun tat-Tramuntana ma tagħmilx sens loġiku, il-President tal-Assoċjazzjoni qal li qabel din ir-riforma kien hemm każ pjuttost simili – dak ta’ Pembroke, is-Swieqi u l-Imtarfa li kienu fir-reġjun tat-Tramuntana.

Tali paragun, madankollu ma tantx ireġi, għax qabel ir-riforma ma kien hemm l-ebda kunsill li spiċċa iżolat f’reġjun differenti.