Minkejja l-miżuri biex ikun miġġieled il-faqar in-numru ta’ dawk f’riskju f’Malta baqa’ prattikament fl-istess livell, ta’ 16.7% li huwa tnaqqis marġinali ta’ 0.2% fuq is-sena ta’ qabel. Dan ifisser 85,797 persuna f’Malta bi dħul annwali ta’ €10,893. Din hija l-istampa uffiċjali tas-sitwazzjoni attwali skont l-Istatistika Ewropea dwar id-Dħul u l-Kundizzjonijiet tal-Ħajja, li hija eżerċizzju annwali li jsir mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.

Meta wieħed iqis iż-żieda qawwija fl-għoli tal-ħajja, il-fatt li dawk f’riskju ta’ faqar baqgħu fl-istess livell, jista’ jitqies bħala suċċess relattiv. Madankollu, dan l-argument huwa bbażat fuq l-istampa uffiċjali. X’jiġri jekk is-sitwazzjoni reali, hi kemm xejn differenti? Għaliex qed jitqajjem tali dubju? Dan it-tħassib ġej mill-fatt li fl-aħħar għaxar snin il-popolazzjoni ta’ Malta żdiedet b’madwar 100,000 li ħafna minnhom huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Huwa fatt, li l-maġġoranza assoluta ta’ dawn il-ħaddiema qed jitħallsu ftit u dan qed ikollu riperkussjonijiet kbar, mhux biss fis-suq tax-xogħol. Apparti li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom qed iħallu impatt negattiv fuq kulħadd, sal-punt li xi xogħlijiet ma għadhomx joffru dħul raġonevoli għall-ħaddiema Maltin, bħal pereżempju l-industrija tat-turiżmu, hemm ukoll impatt soċjali. Eżempju ta’ dan huma l-postijiet fejn jgħixu dawn il-barranin li ħafna drabi joqgħodu f’appartamenti iffullati żżejjed, fejn ikollhom jaqsmu l-kamra tagħhom ma’ ħaddieħor jekk mhux is-sodda wkoll! Dan qed jiġri madwar il-pajjiż kollu inklużi lokalitajiet li normalment mhumiex assoċjati mal-faqar.

Ix-xahar li għadda, Times of Malta żvelat il-każ ta’ 40 ħaddiem barrani, li għal €250 fix-xahar kull wieħed  jgħixu appartament f’Tas-Sliema. Għalkemm dan huwa bla dubju każ ta’ faqar li ma konniex nimmaġinaw bħalu sa għaxar snin ilu, ta’ min nistaqsu jekk każijiet bħal dawn humiex viżibbli għall-istatistika uffiċjali. Tħassib bħal dan, huwa aktar ġustifikabbli, peress li jidher li l-awtoritajiet m’għandhomx stampa eżatta tan-numru ta’ barranin inklużi immigranti li jgħixu Malta. Fil-fatt, kull rejd tal-pulizija f’postijiet rinomati li huma frekwentati minn barranin, jirriżulta f’deportazzjonijiet.

Irridu nkunu ċerti li l-istatistika uffiċjali qed tirrifletti tassew is-sitwazzjoni, għax inkella nkunu qed inqarrqu lilna nfusna. Dan mhux qed ngħiduh għax għandna xi dubju dwar l-integrità tal-NSO, imma biex inserrħu rasna li l-istrateġija li qed nużaw hi effettiva. Huwa fatt li xi lokalitajiet saru zoni problematiċi minħabba s-sigurtà, kundizzjonijiet ta’ għajxien ħżiena u binjiet iffullati. Ninsabu f’salib it-toroq. Jew se nieħdu rendikont tas-sitwazzjoni jew se niddeċiedu li ndawru ħarsitna lejn in-naħa l-oħra biex la nitkellmu, la naraw u lanqas nisimgħu – bħal dik il-famuża statwa tat-tliet xadini.