Id-demografija ta’ Malta għaddiet minn bidla radikali fl-aħħar 25 sena b’riżultat tal-immigrazzjoni illegali fil-Mediterran u sussegwentement l-influss ta’ eluf ta’ ħaddiema minn pajjiżi terzi. Invarjabbilment dan kien jeħtieġ politika ta’ integrazzjoni li ġiet imnedija fl-2017. Sal-lum wasalna f’sitwazzjoni fejn wieħed minn kull ħames abitanti mhux Malti u f’ċerti lokalitajiet bħall-Imsida, iċ-ċittadini Maltin huma f’minoranza! Wara l-politika “produttiva” tal-2017, il-gvern reċentement nieda konsultazzjoni pubblika għal politika ġdida ta’ integrazzjoni f’konformità mal-manifest tal-2022 tal-Partit Laburista.

Sabiex dan l-eżerċizzju jkun ta’ suċċess irridu nħarsu lejn il-problema b’mod ħolistiku. L-integrazzjoni għandha tibda qabel ma tidħol Malta. Sfortunatament, kien hemm diversi rapporti li barranin jittieħdu minnufih għax-xogħol tagħhom mill-ajruport mingħajr ebda taħriġ, mal-wasla tagħhom f’Malta. Strateġija ta’ integrazzjoni xierqa għandha tiżgura l-introduzzjoni ta’ kors ta’ qabel it-tluq mhux biss biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni, iżda biex jiġi żgurat li dawn il-ħaddiema jirċievu taħriġ xieraq li fl-aħħar mill-aħħar jissarraf f’servizz aħjar. Matul is-snin il-UHM Voice of the Workers organizzat b’suċċess diversi korsijiet ta’ dan it-tip li jiffukaw ukoll fuq l-aspetti soċjo-ekonomiċi tas-soċjetà Maltija. Ma jistax ikun hemm integrazzjoni mal-barranin li ma jikkomunikawx bil-Malti jew bl-Ingliż u li huma kompletament aljeni għall-kultura u l-valuri tagħna.

Kwistjoni oħra li trid tiġi indirizzata biex jiżdiedu ċ-ċansijiet ta’ integrazzjoni hi dik tal-prekarjat. Dan l-abbuż hu msejjes fuq il-fatt li dawn il-ħaddiema m’humiex membri ta’ xi union peress li l-ħaddiema jibżgħu mir-riperkussjonijiet. Huwa għalhekk li s-sħubija obbligatorja f’unjin għal ħaddiema bi ħlas baxx hija kruċjali peress li tagħti s-setgħa lil dawn il-ħaddiema barranin sfruttati.

L-integrazzjoni ma tistax tirnexxi, jekk dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jgħixu f’kundizzjonijiet ħżiena u iffullati żżejjed. Għalhekk, jeħtieġ li jiġu infurzati liġijiet sanitarji li jirregolaw in-numru massimu ta’ persuni li jistgħu jgħixu taħt saqaf wieħed.

Fl-aħħar mill-aħħar, hemm konsiderazzjoni fundamentali x’issir. L-għerq ta’ dan id-dibattitu jinsab fid-direzzjoni ekonomika tal-pajjiż. Riċentement, il-gvern bagħat messaġġi kontradittorji dwar il-kwistjoni fost sinjali li hemm qasma bejn dawk li jiffavorixxu l-istatus quo u dawk li qed iwissu li l-ekonomija taċ-cheap labour mhix sostenibbli. Fir-realtà meta wieħed jikkunsidra d-daqs ġeografiku ta’ Malta, il-limitazzjonijiet tar-riżorsi u d-densità tal-popolazzjoni dan id-dibattitu għandu risposta ċara. Huwa għalhekk li din il-politika ta’ integrazzjoni trid tħares lejhom minn lenti ferm wiesa’. Jekk din il-politika tkun segregata u trattata bħal kull riforma settorjali ftit għandha ċans li tirnexxi.