Preċedent ikrah għad-djalogu soċjali
Il-ġimgħa li għaddiet aktar minn 1,300 ħaddiem tal-kura tas-saħħa li jvarjaw minn dawk tal-ambulanzi għal professjonisti eskalaw l-azzjonijiet industrijali wara li l-aġir tal-gvern ta x’jifhem li kien jipprova jgħaddihom biż-żmien
Kuntrarju għall-impressjoni mogħtija minn xi wħud li din hi eskalazzjoni bla bżonn, il-UĦM Voice of the Workers ma ħaditx din it-triq b’mod leġġer. Qed nitkellmu fuq theddida għad-dritt tal-ħaddiema li jissieħbu f’union, id-dritt tagħhom li jibbenefikaw min-negozjar kollettiv u l-obbligu tal-gvern li jimplimenta dak miftiehem.
F’dan il-każ il-gvern qed imur lura minn dak li wiegħed bil-miktub lil allied healthcare professionals f’Settembru tas-sena li għaddiet u lill-ħaddiema ta’ Steward Health Care f’Novembru. Sadanittant, il-ħaddiema tal-ambulanzi lanqas biss qed jingħataw l-opportunità li jagħmlu r-rappreżentazzjonijiet tagħhom għal ftehim kollettiv ġdid. It-talba tagħha ma saritx b’mod frivolu, iżda b’riżultat tal-fatt li UĦM Voice of the Workers kienet rebħet rikonoxximent uffiċjali f’Jannar 2019. Il-fatt li qed ikunu mċaħħda minn dan iċ-ċans ifisser li l-prinċipju li l-ħaddiema jkunu rappreżentati minn qed ikun mhedded serjament. Il-Gvern ipprova wkoll jinganna billi abbuża mir-rieda tajba tal-union li kienet issospendiet l-azzjoni industrijali għax ingħatat x’tifhem li l-gvern kien lest jibda t-taħditiet, meta din kienet biss tattika biex jintrebaħ il-ħin u titmewwet il-kwistjoni.
Fil-każ ta’ Steward, ir-rifjut tal-gvern li jimplimenta dak li kien maqbul – li jassorbi l-impjegati u jagħtihom l-istess kundizzjonijiet ta’ tal-kollegi tagħhom fuq il-kotba tal-gvern – ifisser li qed ikompli joħloq il-prekarjat. Dan imur kontra l-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali.
Il-Gvern qed jipprova wkoll imur lura minn dak maqbul għal allied healthcare professionals billi jagħti interpretazzjoni żbaljata lill-mekkaniżmu ta’ kif se tinħadem is-seniority bl-iskop li dawn il-professjonisti jieħu inqas minn dak li verament ħaqqhom.
Ironikament, dan hu l-istess gvern li għal xhur sħaħ kien ifaħħar (imma xejn iktar) ix-xogħol li qed jagħmlu l-front liners tal-COVID-19. Imma fis-siegħa tal-prova, dan ma ssarraf f’xejn.
Kif irrimarka l-Kap Eżekuttiv tal-UĦM, Josef Vella, ikun ħażin li din it-tilwima titqies bħala xi ħaġa li tolqot biss is-settur tas-saħħa. L-aġir tal-gvern jista’ joħloq preċedent perikoluż li bih l-impjegati jiġu miċħuda l-opportunità li jinnegozjaw ftehim aħjar, jew jekk dan l-ostaklu jinqabeż, jiffaċċjaw ostaklu ieħor biex jieħdu dak li kien miftiehem bil-miktub. Din hija ġurnata sewda għad-djalogu soċjali li hu bbażat fuq il-fiduċja reċiproka. Jidher li l-motto tal-gvern hu li bis-sewwa jew bid-dnewwa tgħaddi dejjem tiegħu.