Malta hi mogħnija b’ħafna siti ta’ wirt storiku u kulturali. Minħabba l-valur tagħhom, hu importanti li jiġu konservati u restawrati biex jitgawdew mill-ġenerazzjonijiet futuri. F’dan ir-rigward, permezz tal-Miżura 1 tal-Programm ta’ finanzjament tal-UE LEADER għat-territorju tal-Majjistral, kunsilli lokali, organizzazzjonijiet volontarji rreġistrati u individwi jistgħu japplikaw biex jiksbu fondi tal-UE għar-restawr ta’ siti u oġġetti fuq skala żgħira  li huma ta’ valur kulturali u storiku.

Il-proġetti għandhom rata ta’ ko-finanzjament ta’ 80%, sa massimu ta’ €40,000 għar-restawr ta’ siti u €12,000 għar-restawr ta’oġġetti. Il-proġetti għandhom isiru wkoll fit-territorju definit tal-Majjistral li jinkludi 16-il lokalità, bħall-Mellieħa, l-Imġarr, is-Siġġiewi u n-Naxxar.

Din is-sejħa tagħlaq fit-30 ta’ Marzu, 2021. Għal aktar informazzjoni fuq il-Programm LEADER jew kwalunkwe kwistjoni oħra relatata mal-finanzjament tal-UE, tista’ tagħmel kuntatt mal-MEUSAC fuq info.meusac@gov.mt jew 2200 3300.