Ħaddiema tal-ambulanzi fl-isptarijiet tal-Gvern qed jitħallsu inqas minn sewwieqa ta’ ambulanza tal-annimali bid-differenza tkun ta’ madwar €5,000 fis-sena, Voice of the Workers Weekly jista’ jikkonferma.

“Is-sitwazzjoni bilkemm titwemmen u r-rifjut tal-gvern li jindirizza din l-anomalija assurda li biha li l-impjegati li jġorru l-pazjenti mhumiex stmati daqs dawk li jġorru l-annimali hu tal-iskantament,” ħaddiema tal-ambulanzi qalu lil dan il-portal.

Dawn il-ħaddiema rrikorrew għal azzjoni industrijali wara li l-gvern ma riedx jibda taħditiet dwar ftehim kollettiv ġdid għal din il-kategorija ta’ front liners tal-COVID-19. UĦM Voice of the Workers li rebħet ir-rikonoxximent uffiċjali ta’ dawn il-ħaddiema sentejn ilu, ilha titlob lill-gvern biex jindirizza s-sitwazzjoni għal 18-il xahar.

Jirriżulta li s-salarju massimu tal-ħaddiema tal-ambulanzi hu ta’ €19,535 li huwa €1,313 inqas mis-salarju rispettiv ta’ xufier ta’ ambulanza tal-annimali li jaqla’ sa €20,848. Madankollu, id-diskrepanza ssir iktar qawwija meta jkunu kunsidrati l-allowances, minħabba li s-sewwieqa tal-ambulanzi tal-annimali jiġu jitħallsu madwar €5,000 iktar kull sena minn dawk tal-ambulanzi fl-isptarijiet.

Sorsi fi ħdan is-sistema tal-kura tas-saħħa qalu lil Voice of the Workers Weekly li n-nuqqas ta’ rieda tal-gvern li jsolvi din l-anomalija jista’ jkun indikattiv ta’ xi pjan biex is-servizz tal-ambulanzi, li hu kruċjali għall-isptarijiet, jiġi privatizzat.

“Din il-possibbiltà li sa ftit snin ilu ma kienet tgħaddi minn moħħ ħadd, m’għadhiex daqshekk remota wara d-deċiżjoni kontroversjali tal-gvern li jipprivatizza tliet sptarijiet ​​- Għawdex, Karin Grech u San Luqa – u jagħtihom lil Vitals u sussegwentement Steward Health Care,” huma qalu.

Dan il-ftehim ta’ privatizzazzjoni ġie miksur minħabba li l-operatur privat naqas milli jonora l-obbligi kuntrattwali ewlenin bħar-rinnovazzjoni ta’ San Luqa u l-bini ta’ sptar ġdid f’Għawdex minkejja li jirċievi mijiet ta’ miljuni kull sena minn fondi pubbliċi.

Jidher li l-gvern issa qed jibgħat messaġġ bil-pulit li m’hemmx futur għall-ħaddiema tal-ambulanzi billi jirrifjuta li jtejjeb il-kundizzjonijiet tagħhom. B’hekk jista’ jkun li qed iwitti t-triq għall-privatizzazzjoni ta’ dan is-servizz ewlieni. Barra minn hekk, aktar milli jinvesti f’ambulanzi ġodda u jimmodernizza l-faċilitajiet, il-gvern qed jonfoq il-flus biex jikri vetturi tal-kuntrattur.

“L-outsourcing tas-servizz tal-ambulanza ma jagħmilx sens, peress li dawk il-flus jistgħu jmorru biex jagħtu kundizzjonijiet aħjar lil ħaddiema u jsir investiment f’riżorsi aħjar,” dawn is-sorsi qalu.

Barra minn hekk, l-għebusija ta’ ras il-gvern li ma jridx isib soluzzjoni qed tfisser li matul dawn l-azzjonijiet industrijali qed ikompli jidħol f’aktar spejjeż biex juża s-servizzi tal-kuntrattur.

Is-sajf li għadda, il-UĦM issospendiet l-azzjonijiet industrijali wara li l-gvern ta x’jifhem li ried jibda taħditiet dwar ftehim kollettiv ġdid. Irriżulta li din kienet biss manuvra diżonesta peress li l-gvern ma ċaqlaqx mill-pożizzjoni tiegħu u qal li ma kienx hemm lok għal diskussjoni.