Twaqqaf grupp (FSWG)  fi ħdan il-Parlament Ewropew li se jissorvelja l-aspetti kollha tal-funzjonament tal-aġenzija Frontex, inkluża l-konformità tagħha mad-drittijiet fundamentali. Il-Viċi President u l-MPE Malti Roberta Metsola qed tmexxi dan il-grupp ta’ ħidma.

L-investigazzjoni bdiet wara rapport fil-midja Ġermaniża minn Der Spiegel li allega li l-Frontex kienet qed tirritorna illegalment lil dawk li jfittxu l-ażil fil-postijiet minn fejn kienu qed jaħarbu. L-allegazzjonijiet ġabu pressjoni fuq id-direttur eżekuttiv tal-Frontex Fabrice Leggeri biex jirriżenja.

Wara deċiżjoni mill-koordinaturi tal-kumitat tal-Libertajiet Ċivili fid-29 ta’ Jannar, 14-il MPE – tnejn għal kull grupp politiku – se jevalwaw l-attivitajiet u l-organizzazzjoni tal-Frontex, inkluż ir-rwol imsaħħaħ tagħha u r-riżorsi għall-ġestjoni integrata tal-fruntieri u l-applikazzjoni korretta tal-acquis tal-UE.

L-ewwel laqgħa saret nhar it-Tlieta 23 ta’ Frar. Fi żmien erba’ xhur il-grupp għandu jtemm l-investigazzjoni u jiġbor l-informazzjoni u l-evidenza rilevanti kollha rigward allegati vjolazzjonijiet tad-drittijiet fundamentali li fihom kienet involuta l-aġenzija. Il-laqgħat tal-grupp se jsiru darbtejn fix-xahar.