L-avveniment Valletta 2018 ingħata l-bidu tiegħu nhar is-Sibt li għadda – avveniment li hu frott ta’ snin twal ta’ ħidma, preċiżament sa mill-2008 u sussegwentament il-belt kapitali tagħna akkwistat il-kandidatura tagħha fl-2012. 

L-iskop ta’ Valletta 2018, (u ma ninsewx li l-avveniment ma kienx ikun possibbli li kieku Malta ma saritx membru tal-Unjoni Ewropea),  hu  li f’pajjiżna jinbet sens ta’ apprezzament għall-kultura Maltija, għall-għeruq ta’ dak kollu li jagħmilna Maltin u Mediterranji. 

Ir-riġenerazzjoni tal-belt Valletta qed tilħaq, jekk ma laħqitx, il-milja tagħha bis-sbuħija ta’ Pjazza San Ġorġ, li minn parkeġġ mimli karozzi saret spazju pubbliku li qed jitgawda minn kulħadd; bid-daħla ta’ Bieb  il-Belt, bir-restawr tas-swar u l-faċċati tal-bereġ kif ukoll dan l-aħħar bil-Pjazza tat-Tritoni. 

Il-ħaddiema li jaħdmu fil-Ministeri għandhom ikunu kburin u xxurtjati li l-post tax-xogħol  tagħhom jinsab f’berġa li ssawret bl-għaqal u l-ġenjalita’ tal-Kavallieri ta’ San Ġwann. Wieħed isemmi l-Berġa tal-Italja, il-Berġa ta’ Aragona, il-Berġa tal-Baviera u l-Berġa ta’ Kastilja – tliet ġawhar arkitettoniċi mill-aqwa. 

Bl-attivitajiet kollha li se ġġib magħha Valletta 2018, il-pubbliku Malti għandu jidħol iżjed f’qoxortu u japprezza iżjed il-ħemel ta’ oqsma kulturali li fl-aħħar mill-aħħar isawru l-identita’ Maltija. Jalla jinħolqu attivitajiet ekonomiċi fil-qasam kulturali u li l-artisti jkollhom aktar spazji fejn  jesebixxu x-xogħolijiet kreattivi tagħhom. 

Nittamaw li l-wirt  taċ-ċelebrazzjonijiet tal- Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura jitgawda mhux biss fl-2018, iżda wkoll fis-snin ta’ wara. Nittamaw ukoll li l-mentalita’ tagħna l-Maltin tinbidel fil-mod kif inħarsu lejn l-arti u l-kultura. Għandna nkunu kburin bil-kultura għanja tagħna li tfasslet matul  is-snin – kultura li ġġib l-għira ta’  pajjiżi Mediterranji u lil hinn.