L-Ewro Parlamentari jaffermaw li ġie reġistrat progress fin-negozjati dwar il-Brexit, iżda jisħqu li l-aktar parti diffiċli tat-taħdidtiet għadha ġejja. 

F’dibattitu mal-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk u mal-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker dwar il-konklużjonijiet tas-summit Ewropew li sar f’Diċembru li għadda, l-Ewro Parlamentari avżaw lill-Gvern  Ingliż sabiex ma jiħdux il-ftehim ta’  transizzjoni dwar il-Brexit bħala fatt, u enfasizzaw il-ħtieġa li jkun formalizzat ftehim tal-ħruġ mill-aktar fis possibbli. 

Huma wkoll  sejħu lill-Gvern Ingliż sabiex jifrex b’mod ċar il-viżjoni tiegħu dwar ir-relazzjoni li r-Renju Unit jixtieq li jkollu mal-Unjoni Ewropea għall-futur. Uħud mill-Ewro Parlamentari għamluha ċara li ebda status ‘il barra mill-UE mhu se jkun aħjar minn sħubija sħiħa fl-UE. 

Oħrajn saħqu li n-negozjati bejn l-UE u r-Renju Unit mistennija jkunu iebsin, iżda enfasizzaw li dan se jkun qed iseħħ għax il-partijiet kollha involuti qed jippruvaw jiksbu l-aħjar soluzzjonijiet għaċ-ċittadini. Guy Verhofstadt, il-koordinatur dwar il-Brexit tal-Parlament Ewropew saħaq dwar il-ħtieġa li jkun  hemm garanziji rigward proċeduri fl-applikazzjoni għal residenza għaċ-ċittadini Ewropej li jixtiequ jgħixu fir-Renju Unit fil-ġejjieni. Verhofstadt saħaq li l-istatus ta’ residenza ġdida, kif proposta mir-Renju Unit, m’għandhiex tiddaħħal qabel it-tmiem tal-perijodu tranżitorju. 

L-Ewro Parlamentari wkoll  laqgħu l-passi konkreti li ttieħdu dan l-aħħar  lejn aktar  kooperazzjoni ta’ difiża fost il-pajjiżi tal-UE, u saħqu dwar il-ħtieġa li z-zona ewro tkun riformata, filwaqt li sejħu għal aktar miżuri mifruxa fl-UE sabiex il-migrazzjoni u l-qgħad fost iż-żgħażagħ ikunu indirizzati.