Għal min iħaddem, l-impjieg taż-żgħażagħ jinvolvi xi ftit jew wisq tal-isfidi u dan hu aktar minnu fid-dinja moderna li qed ngħixu llum.  

Il-verita’ hi li  kull ġenerazzjoni tfaħħar wisq il-prestazzjoni tagħha ta’ meta kienet żagħżugħa. Kemm  ninsew malajr! Biss, ir-realta’ għal ħafna  negozji hi li ż-żgħażagħ huma l-aktar ħaddiema li jikkomunikaw aħjar mal-klijenti. Għal min iħaddem, huma l-wiċċ tal-kumpanija. Sabiex ikunu kompetittivi u  jimmassimizzaw il-profitti tagħhom, huwa essenzjali li min iħaddem jibbilanċja u jikkontribwixxi għall-ħiliet li ż-żgħażagħ jistgħu jġibu magħhom fil-post tax-xogħol. 

Il-ġenerazzjoni tal-lum, ħafna minnhom imwielda sa mill-1990, għexu ħajjithom fid-dinja tat-teknoloġija, tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni. Madankollu, naħseb li mhux qed tingħata biżżejjed attenzjoni lir-responsabbilta’ personali fost iż-żgħażagħ u  l-etika bażika tax-xogħol mhux qed tkun mgħallma kif suppost fl-iskejjel jew fid-dar. Nazzarda ngħid li xi żgħażagħ qatt ma semgħu dwar l-importanza li jkunu fil-ħin, li jirrispettaw lis-superjuri tagħhom, li jikkomunikaw ċar jew li jagħtu sinifikat lill-impenn tagħhom fix-xogħol. 

Allura xi jrid isir biex ħaddiem żagħżugħ ikun immotivat? Naħseb li għandna ninkoraġġixxu liż-żgħażagħ fuq ix-xogħol tajjeb li jwettqu. Iż-żgħażagħ tal-lum jistgħu jkunu ferm leali jekk jittieħdu bis-serjeta’ u trattati b’rispett. Wieħed ukoll għandu jiċċelebra s-suċċessi tagħhom, mhux biss mill-post tax-xogħol, imma anki lil hinn minn fejn jaħdmu. 

Ilkoll nafu li ż-żgħażagħ jiġu b’attitudni ta’ indipendenza. Magħhom għandna  nistabbilixxu l-miri u ngħinuhom biex jiġu bir-riżultati. Barra minn hekk, iż-żgħażagħ iridu jkunu jafu għaliex ingħataw biċċa xogħol. M’għandniex nassumu  kollox, anzi nikkonfermaw l-għarfien tagħhom fuq ix-xogħol li jitqabbdu jagħmlu u nispjegaw l-għan wara kull ħidma. 

Fuq kollox wieħed għandu jmur għal għajn il-ħaddiema żgħażagħ. Il-mod kif iġib ruħu manager ta’  kumpanija għandu impatt kbir fuq il-prestazzjoni tal-ħaddiem. Għaldaqstant wieħed irid jara li jkun impenjat sabiex jikseb il-massimu mill-ħaddiema żgħażagħ. 

Il-ħaddiema żgħażagħ jistgħu  jkunu ispirati, motivati u produttivi. Iż-żgħażagħ tal-lum huma l-aktar informati u jaddattaw malajr. M’għandhiex niġġudikawhom mil-lenti ta’ meta aħna konna żgħażagħ. Għandna nħarsu mil-lenti tagħhom. Min iħaddem m’għandu xejn x’jitlef, anzi jiggwadanja u jkollu impatt pożittiv fuq il-ħajja tal-ħaddiema żgħażagħ li jimpjega.