Mhux sigriet li l-postijiet tax-xogħol illum qed jitħabtu biex isibu l-aħjar talent ħalli jimlew l-impjiegi tagħhom. Bl-avvanzi teknoloġiċi mgħaġġlin li qed iseħħu, il-ħiliet  tal-ħaddiema qed isiru ferm antikwati minn qatt qabel. Il-maġġoranza tas-sidien f’postijiet tax-xogħol jemmnu li l-organizzazzjoni  tagħhom qed tħabbat wiċċha ma’ bidla sfrattu instigata minn teknoloġiji diġitali. Il-biċċa l-kbira ta’ min  iħaddem jgħidulek li l-ħaddiema tagħhom m’għandhomx il-ħiliet meħtieġa biex jaddattaw. 

Is-suq tax-xogħol qed jinbidel b’rata mgħaġġla u  l-ħaddiema jeħtieġu ħafna tagħlim kontinwu biex ilaħħqu. Imma xi postijiet tax-xogħol mhumiex qed jipprovdu ambjent  ta’ tagħlim li hu meħtieġ biex jindirizza in-nuqqasijiet fil-ħiliet  tal-ħaddiema. Ir-riċerka turi li dawk il-ħaddiema li twieldu fit-Tmeninijiet u fid-Disgħinijiet  tas-seklu l-ieħor jagħtu importanza kbira lit-tagħlim. Madankollu ssib min jgħidlek li x’aktarx iħallu  l-impjieg  tagħhom għax mhumiex qed jitgħallmu malajr biżżejjed. 

Sabiex ilaħħqu mal-bidliet li qed iseħħu fis-suq tax-xogħol, dawk li jħaddmu għandhom iħarrġu lill-impjegati tagħhom għall-futur. Bil-miġja tad-diġitalizzazzjoniir-robotika u l-intelliġenza artifiċjali, ħiliet umani essenzjali bħall-empatija u t-teħid ta’ deċiżjonijiet strateġiċi se jkunu kruċjali hekk kif l-impjegati se jkunu qed jaħdmu  iżjed mal-makni. 

Il-managers ta’ taqsimiet f’post  tax-xogħol iridu jaħdmu flimkien u jaqsmu l-istess viżjoni  sabiex b’suċċess jippreparaw lit-timijiet tagħhom għall-futur tax-xogħol. Naħseb li t-tmexxija ta’ post  tax-xogħol għandha tiltaqa’ sabiex tiddiskuti l-previżjonijiet tagħha  dwar il-ħiliet li l-organizzazzjoni tagħha se jkollha bżonn fis-snin li ġejjin, tikkunsidra kif dawn il-ħiliet se jappoġġjaw it-tkabbir tal-operat u toħloq pjan li jinkorpora t-tmexxija tat-talent, it-taħriġ u l-kultura biex jgħin fit-twettiq ta’ dawn il-miri. 

Sabiex jagħlaq id-diskrepanzi fil-ħiliet u jipprovdi lill-impjegati eżistenti bl-għarfien li jridu biex jimirħu fil-karrieri tagħhom, min  iħaddem irid jipprijoritizza programmi fl-iżvilupp tat-tagħlim ħalli l-impjegati jkunu megħjuna biex iġeddu jew jiksbu l-ħiliet. 

Dan jistgħu jagħmluh billi jidentifikaw in-nuqqasijiet fil-ħiliet minn kmieni. Qabel ma jinvestu fi pjattaforma ta’ tagħlim, ikun għaqli għal min iħaddem  biex jidentifika liema ħiliet huma nieqsa fost l-impjegati. Bl-informazzjoni f’idejhom, il-postijiet tax-xogħol jistgħu mbagħad jiżviluppaw taħriġ addattat li jiffaċilita żvilupp kontinwu ta’ ħiliet. 

Min iħaddem irid joħloq kultura ta’ tagħlim. Kultura b’saħħitha għat-tagħlim trid tibda minn fuq bil-valuri tal-post tax-xogħol ikunu ddedikati għall-għarfien u t-titjib. L-aħjar mod biex ikun  assigurat li din il-kultura tinfilsa ruħha fl-organizzazzjoni kollha, hu billi t-tagħlim jimxi pari passu mal-miri strateġiċi u billi wieħed juri li dawn jagħmlu differenza fil-post tax-xogħol. 

Bl-aħjar kultura u proċessi li jkunu f’posthom, il-postijiet tax-xogħol jistgħu joħolqu programmi ta’ tagħlim li jagħmlu lill-impjegati ħerqana biex jikbru, u b’hekk inaqqsu d-diskrepanzi fit-tagħlim u jipprevjenu milli dawn jinħolqu mill-ġdid.