Hekk kif in-numru ta’ persuni bla saqaf fuq rashom qed jikber f’pajjiżna, jeħtieġ li l-Gvern jindirizza din il-problema bis-serjeta’. Xi jridu verament in-nies bla dar? Tidher ovvja imma t-tweġiba hi, il-housing. Nies bla dar li jgħixu fil-faqar, aktar minn kull ħaġa oħra, iridu post fejn joqogħdu. Persuni li qed jorqdu barra, (u dawn mhumiex biss barranin, tafux) jeħtieġu saqaf permanenti fuq rashom b’mod urġenti. U dan bi dritt. 

F’ekonomija li sejra tajjeb, mhux suppost nibqgħu nisimgħu b’aktar nies li jsibuha diffiċli biex ilaħħqu mal-ħajja, ma jifilħux jikru l-akkomodazzjoni tagħhom. Iżda r-realta’ hi dik li hi. U b’nies joqogħdu fil-garaxxijiet smajna bihom, u b’nies jorqdu fil-karozzi smajna wkoll. 

F’dawn l-aħħar żewġ leġislaturi, Gvern Laburista naqas milli jalloka flus mill-budget għall housing soċjali. Fix-xhur li għaddew tħabbar, iżda, li xi units ġodda ta’ housing soċjali bi ħsiebhom jinbnew u mistennija jkunu lesti s-sena d-dieħla. Naħseb li hu tard wisq, Sur Gvern, għax in-numru ta’ persuni li qed jorqdu barra fil-ksieħ qed jiżdied mhux jonqos. 

Barra minn hekk bħalissa qed nesperjenzaw nuqqas ta’ sostenibbilta’ fis-settur tal-kiri. Jeħtieġ li jkollna proprjetajiet li kulħadd jista’ jaffordjahom. Jeħtieġ li jinstabu soluzzjonijiet mal-partijiet kollha interessati għax is-sitwazzjoni tal-kirjiet qed tolqot eluf ta’ familji u ħaddiema. U dan biex ma ninsewx dawk il-persuni meqjusin fil-faxxa t’isfel tas-soċjeta’. 

Ilkoll naqblu li dan il-pajjiż u s-soċjeta’ ma jistgħux jibqgħu jaraw li ż-żieda fil-prezzijiet tal-akkomodazzjoni tibqa’ tippersisti. Jeħtieġ li jkun hemm azzjoni f’waqtha sabiex ikunu indirizzati d-diversi fatturi li qed jgħakksu din is-sitwazzjoni. Dan sabiex il-kwalita’ tal-ħajja tkun  salvagwardjata. 

Intant l-għajnuna immedjata għandha tkun indirizzata lejn dawk li m’għandhom ebda esperjenza ta’ ħajja stabbli. Sfortunatament jeżistu stili ta’ ħajja mqallba li jikkumplikaw l-abbilta’ biex wieħed jibqa’ f’daru. Ma nistgħux nassumu li persuni bla saqaf fuq  rashom huma l-arkitetti tal-isfortuna tagħhom, l-inkwiet tagħhom kawżat mill-għażliet fl-istil ta’ ħajja. Il-housing huwa dritt daqs l-ilma nadif li nixorbu.