Il-Politika Komuni dwar l-Agrikoltura (CAP) hi waħda mill-eqdem policies komuni fl-UE. Is-sinifikat tagħha hu rifless fil-proporzjon tal-budget tal-UE iddedikat lilha, u li jirrappreżenta 40 fil-mija tat-total. 

Żviluppata fi żmien meta l-Ewropa ma kinitx kapaċi tilħaq mal-maġġoranza tal-ħtiġiet tagħha dwar l-ikel, kien meħtieġ li l-bdiewa jkunu inkuraġġiti biex jipproduċu l-ikel permezz ta’ prezzijiet garantiti. Il-politika għaddiet minn riforma regolari u evolviet mas-snin. 

Dawn ir-riformi fittxew li jtejbu l-kompetittivita’ tas-settur agrikolu, jippromwovu l-iżvilupp rurali u jindirizzaw sfidi ġodda f’oqsma bħall-ambjent u l-bidla fil-klima. Evidenza minn serje ta’ studji mill-Eurobarometer tindika kif iċ-ċittadini Ewropej għandhom livell għoli ta’ għarfien ta’ din il-politika.  Hemm rikonoxximent li din il-politika qed tagħmel suċċess meta tiġi biex tilħaq l-aspettattivi taċ-ċittadini f’termini tat-twassil ta’ ikel ta’ kwalita’ għolja li huwa tajjeb għas-saħħa kif ukoll qed  tikkontribwixxi fil-ħarsien tal-ambjent. 

Meta niġu għall-agrikoltura, it-tmien terminu tal-Parlament iffoka fuq it-tisħiħ mhux biss dwar l-implimentazzjoni tal-aħħar riforma tal-CAP fl-2013, imma wkoll serje ta’ kisbiet leġislattivi importanti. 

L-oqsma li ġew indirizzati jinkludu, fost oħrajn, is-saħħa tal-annimali, is-saħħa tal-pjanti u s-settur organiku, kif ukoll firxa ta’ miżuri ta’ simplifikazzjoni relatati mal-politika li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2018. Dwar il-qasam mhux leġislattiv, il-Parlament segwa r-rwol ta’ skrutinju tiegħu b’mod rigoruż. Meta nħarsu lejn il-futur, għad hemm diversi kwistjonijiet sostanzjali li jridu jiġu indirizzati mill-Parlament preżenti. 

Dawn jinkludu l-ko-deċiżjoni mal-Kunsill fuq id-direzzjoni tal-politika tal-CAP fil-futur għall-perijodu ta’ wara l-2020, in-negozjati fuq il-qafas finanzjarju multiannwali li  jmiss (MFF) inkluż l-allokazzjoni finanzjarja għall-CAP li jmiss, u l-qafas leġislattiv assoċjat.