Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat pakkett leġislattiv għall-modernizzazzjoni tar-regolamenti dwar il-copyright tal-UE, inkluż direttiva ġdida dwar il-copyright fis-suq waħdieni diġitali fl-14 ta’ Settembru 2016. 

Il-partijiet interessati u l-akkademiċi ilhom maqsumin bis-saħħa dwar il-proposta. Fi Frar 2019, wara aktar minn sentejn ta’ negozjati mtawwlin, il-ko-leġislaturi qablu fuq sett ġdid ta’ regolamenti dwar il-copyright inkluż żewġ provvedimenti kontroversjali: 1) il-ħolqien ta’ dritt  ġdid li jippermetti lill-pubblikaturi tal-istampa biex jitolbu l-ħlas għal użu online tal-pubblikazzjonijiet tagħhom (Artiklu 11), u 2), l-impożizzjoni ta’ miżuri ta’ monitoraġġ tal-kontenut fuq pjattaformi online bħal YouTube, li tfittex li tirrisolvi ‘d-differenza fil-valur’ u tgħin lid-detenturi tad-drittijiet biex isaħħu d-dħul tagħhom u jikkontrollaw aħjar id-distribuzzjoni tal-kontenut tagħhom fuq l-internet. (Artiklu 13). 

Barra minn hekk, flimkien mal-eċċezzjoni mandatorja għall-kisba tat-test u d-data għal skopijiet ta’ riċerka proposti mill-Kummissjoni fil-proposta tagħha, il-ko-leġislaturi qablu li jqiegħdu fil-liġi Ewropea eċċezzjoni mandatorja oħra għall-kisba ġenerali tat-test u d-data (Artiklu 3a) sabiex jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ analitika tad-data u l-intelliġenza artifiċjali. 

Fl-20 ta’ Frar 2019, il-Coreper iffirma t-test ta’ kompromess għan-nom tal-istati membri. Il-ftehim politiku issa jrid jikseb l-approvazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (JURI), qabel ma ssir votazzjoni fuqu fil-plenarja mill-Parlament Ewropew.