L-adoloxxenza huwa stadju fil-ħajja fejn l-individwu jrid jagħmel diversi għażliet. L-internet u l-media soċjali qed iżidu pressjonijiet ġodda li ma kinux jeżistu sa ftit tas-snin ilu. Ħafna affarijiet inbidlu dwar il-mod kif in-nies jikkomunikaw ma’ xulxin u f’din l-era moderna nistgħu nsibuha diffiċli biex nagħmlu dan. 

Riċerka akkademika sabet li kawża tal-progess fl-għodda biex nikkomunikaw, xi adoloxxenti qed ibatu minn sintomi ta’ ansjeta’ u depressjoni. Uħud qed iweġġgħu psikoloġikament minħabba l-bullying fuq l-internet. 

Għall-adoloxxenti, lismartphones u t-tablets huma l-ordni tal-ġurnata. Ma nistgħux naħarbu minn din ir-realta’ Li jgħodd hu kif l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ jikkomunikaw bid-dinja diġitali u kif aħna l-adulti nassiguraw li huma jkunu protetti mill-ħsara li tista’ toħloq. 

Il-kultura tas-selfies u l-ossessjoni ta’ kif wieħed jidher fil-media soċjali qed turi fantasija assurda tal-ħajja ‘perfetta’ li adoloxxenti u żgħażagħ oħrajn qed jgħixu. Tant hu hekk li din qed tagħti lok għal emozzjonijiet iddisprati ta’ inadekwatezza u li wieħed iħossu inutli fil-ħajja. Dan qed iwassal għal ossessjoni fuq dak li suppost hu l-bżonn li jkollna dehra perfetta. 

L-istess studju akkademiku sab  li  terz tal-adoloxxenti bniet jaħsbu li  huma ġġudikati fuq id-dehra tagħhom; kwart tal-adoloxxenti jħossu l-ħtieġa li jkunu perfetti. 

Il-psikjatri jemmnu li din il-ġenerazzjoni hi unika għax hi l-ewwel waħda esposta għall-media soċjali. Siti bħal FacebookInstagramSnapchat u WhatsApp huma aktar milli kompliċi f’din il-kriżi. Anzi huma responsabbli għal ħafna minnha. 

Ir-realta’ tal-lum qed turina li hemm ħafna kwistjonijiet ta’ saħħa mentali kawżati mill-kultura tal-internet li jridu jiġu indirizzati mill-għeruq tagħhom. L-għalliema u l-edukaturi fl-iskejjel għandhom jisħqu mal-istudenti biex flok iqattgħu ħafna ħin online bil-lejl, jorqdu raqda tajba u joħorġu jiddevertu ma’ sħabhom fid-dinja reali.  

Irridu  jew ma rridux jeħtieġ nirrikonoxxu li hawn xi adoloxxenti u żgħażagħ li għandhom bżonn l-għajnuna jew l-attenzjoni tagħna.