Minkejja l-istituzzjonijiet mhux bis-saħħa tagħhom
Il-Bank Pilatus, reġa kien fl-aħbarijiet wara multa ta’ €4.9 miljun imposta mill-aġenzija tal-Gvern kontra l-ħasil tal-flus (FIAU). Sussegwentement tressqet il-Qorti Claude-Anne Sant Fournier li kienet l-uffiċjal tar-rappurtaġġ dwar il-ħasil ta’ flus tal-istess bank. Hi wieġbet mhux ħatja. Fil-ġimgħat li ġejjin jista’ jkun li jitressqu aktar nies. Dawn l-iżviluppi qanqlu reazzjonijiet imħallta li jvarjaw minn sodisfazzjon li qed tittieħed azzjoni għal kritika li dan kien ftit wisq u tard wisq.
Kollox beda fl-2012
Is-saga tal-Bank Pilatus bdiet fl-aħħar xhur tal-2012 meta s-sid eventwali tiegħu Ali Sadr, li ma kellu l-ebda esperjenza bankarja, applika biex jikseb il-liċenzja bankarja f’Malta.
Wara inqas minn sena li l-Partit Laburista kien fil-Gvern, l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta ħarġet liċenzja f’Jannar 2014. Għal xi raġuni, l-MFSA kienet waqqgħet ċerti kundizzjonijiet li kienu jeħtieġu l-obbligu li jkun hemm azzjonist b’aktar esperjenza fil-bank biex Sadr jieħu pass lura mit-tmexxija tiegħu.
It-tip ta’ klijenti li kellu l-Bank Pilatus Bank kellhom inqanqlu ċertu suspetti mill-ewwel. Ma kienx sempliċiment bank privat li jaħseb għall-bżonnijiet ta’ klijenti barranin sinjuri kif ukoll nies prominent f’Malta bħaċ-chief of staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Keith Schembri, l-accountant tiegħu Brian Tonna, l-eks direttur maniġerjali tal-Allied Newspapers Adrian Hillman u l-eks Kummissarju tal-UE John Dalli. Snin wara Schembri, Tonna u Hillman ġew akkużati b’firxa ta’ reati finanzjarji – akkużi li ċed jiċħdu. Qed jissemma wkoll fil-mezzi tax-xandir li Dalli se jitressaq il-Qorti.
In-negozjatur Ċiniż dwar l-enerġija Chen Cheng li kien involut fi ftehim ta’ bosta miljuni ta’ ewro mill-Enemalta u li kien is-sid ta’ kumpanija sigrieta (Macbridge) suspettata li twaqqfet biex tħallas lura lil Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi, ukoll kellu kont fil-Bank Pilatus. Barra minn hekk, il-bank kien ukoll taħt skrutinju fil-kampanja elettorali tal-elezzjoni ġenerali tal-2017 meta saru allegazzjonijiet li Pilatus iffaċilita pagamenti korrotti lill-kumpanija sigrieta Egrant. Madankollu, ma ttieħdet l-ebda azzjoni mill-awtoritajiet.
Tixgħel il-bozza l-ħamra fl-FIAU imma mbagħad jieqaf kollox
F’Marzu tal-2016, l-FIAU ġibdet l-attenzjoni wara spezzjoni fil-bank fejn ġie konkluż li dan kien qed jonqos mill-obbligu tiegħu li jipprevjeni reati finanzjarji. Madankollu, f’Settembru 2016 l-FIAU infurmat lil Pilatus li l-kwistjoni kienet ġiet solvuta u l-bank ġie meqjus li sar konformi mal-liġijiet dwar il-ħasil tal-flus wara spezzjoni oħra li matulha d-dokumenti li kienu nieqsa ftit xhur qabel tfaċċaw. Dan kollu ġara xahar wara li kien r-riżenja l-kap tal-FIAU Manfred Galdes. Minn dakinhar l-awtoritajiet Maltin donnhom ikkunsidraw il-kwistjoni kollha bħala każ magħluq. Dan minkejja suspetti li tqajmu mill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u l-appelli mill-kap tal-Oppożizzjoni ta’ dak iż-żmien Simon Busuttil biex il-pulizija tinvestiga. Fl-elezzjoni ġenerali tal-2017 partitarji Laburisti kienu nġabru barra l-bank f’Ta’ Xbiex biex jiċċelebraw ir-rebħa u jirredikolaw lil Busuttil u Caruana Galizia. Madankollu, ż-żmien wera li dawn tal-aħħar kellhom raġun għax iż-żejt tela’ f’wiċċ l-ilma.
Kieku ma kienx għall-Istati Uniti …
Fattur sinifikanti hu li l-awtoritajiet Maltin ħadu azzjoni biss f’Marzu 2018 meta Ali Sadr ġie arrestat fl-Istati Uniti fuq ħasil ta’ flus u talli kiser is-sanzjonijiet tal-Istati Uniti kontra l-Iran. Kien biss f’dak l-istadju, li l-MFSA intervjeniet biex tieħu kontroll tal-bank li tpoġġa taħt amministratur. Madankollu, il-liċenzja tal-bank ma ġietx revokata mir-regolatur Malti iżda mill-Bank Ċentrali Ewropew f’Novembru 2018.
Kellhom jgħaddu tliet snin biex tressqu n-nies il-qorti. Dan seħħ wara li Malta tpoġġiet taħt skrutinju akbar minħabba d-deċiżjoni tal-FATF li tpoġġi lill-pajjiż fuq il-lista l-griża dwar nuqqasijiet serji fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Inevitabbilment, qegħdin jitqajmu mistoqsijiet. Għaliex issa biss qed tittieħed azzjoni? Min se jerfa’ r-responsabbiltà ta’ meta għalaq għajnejh meta kienu tqajmu l-ewwel suspetti fl-2016? Dawn in-nies għadhom fil-poter? L-investigazzjoni dwar min hu s-sid ta’ Egrant kienet imfixkla mill-istess nies li dak iż-żmien ħassew li ma kienx hemm bżonn li jqajjem l-allarm? Fl-aħħar mill-aħħar fis-saga tal-Pilatus l-affarijiet bdew jimxu biss minħabba pressjoni minn barra l-pajjiż – jiġifieri l-Istati Uniti u l-Bank Ċentrali Ewropew. Aktar milli eżempju ċar tal-fatt li l-istituzzjonijiet Maltin qed jaħdmu dan jidher li hu każ li l-azzjoni ittieħdet minkejja l-istituzzjonijiet.