Il-GBC ittenni l-pożizzjoni favur il-proġett

Il-proposta li jsir referendum dwar il-mina bejn Malta u Għawdex hi “soluzzjoni mgħaġġla u għal żmien qasir” u għalhekk m’għandhiex tkun kunsidrata, il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ t’Għawdex (GBC) sostna.

Daniel Borg iddeskriva l-pożizzjoni tiegħu meta mistoqsi minn Voice of the Workers Weekly dwar il-pożizzjoni tal-Kamra wara l-proposta tal-PN li jsir referendum u d-dikjarazzjoni reċenti mill-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu ta’ Għawdex li jekk is-servizzi eżistenti jkunu kkumplimentati minn dak bl-ajru ma jkunx hemm il-ħtieġa li ssir il-mina.

“Minħabba li dan il-proġett mexa triq twila, u l-kumplessitajiet li jinvolvi, il-proposta li jkun hemm referendum tkun soluzzjoni ta’ malajar għal żmien qasir. Jekk il-proġett għandu jiġi rrifjutat dan jeħtieġ li jsir fuq l-istudji ulterjuri li għandhom isiru, ladarba titwettaq l-ewwel stadju tal-evalwazzjoni tal-kwestjonarju ta’ qabel il-kwalifikazzjoni. Dan huwa proġett li żamm il-momentum tiegħu, u li diġà għadda minn numru ta’ stadji,” il-Kap Eżekuttiv sostna.

Skond stħarriġ reċenti pubblikat minn Times of Malta l-opinjoni pubblika dwar dan il-proġett hija maqsuma fin-nofs, b’41.6 fil-mija jaqblu u 38.8 fil-mija kontra. Borg staqsa jekk kienx ikun aħjar li kieku s-sejbiet tal-istudji mwettqa s’issa ngħataw iktar prominenza biex il-pubbliku ikun infurmat aħjar.

Il-Kap Eżekuttiv tal-GBC qal li hu essenzjali li jkun hemm kunsens dwar dan il-proġett li se jieħu fit-tul biex jitwettaq waqt li irrimarka li f’April 2019 il-Gvern u l-Oppożizzjoni kienu ivvutaw unanimament favur f’mozzjoni parlamentari biex ikun hemm konnessjoni permanenti bejn iż-żewġ gżejjer. Madankollu, hu nnota li forma waħda ta’ trasport mhux neċessarjament teskludi lill-oħra. Barra minn hekk, fil-preżent jekk ikun hemm xi intopp fl-Imġarr jew fiċ-Ċirkewwa, Għawdex ikun iżolat.

“Dan huwa tħassib li jeħtieġ li jiġi kkunsidrat, inkluż it-tniġġis ikkawżat mill-vapuri, u d-daqs tal-port attwali tal-Imġarr, li diġà qed juri sinjali li ma jistax jakkomoda s-servizzi kollha li huma qed jiġi mħaddma fil-preżent,” Borg qal.

“Konnessjoni permanenti tagħti s-serħan tal-moħħ meħtieġ lil kull min jixtieq joqgħod b’mod permanenti f’Għawdex kemm għal raġunijiet personali kif ukoll għal dawk ta’ negozju. Il-Kamra temmen li filwaqt li r-rabta permanenti mhix is-soluzzjoni totali għall-kwistjonijiet t’Għawdex tgħin biex jinħolqu niċeċ ekonomiċi ġodda ta’ valur miżjud fil-gżira,” żied jgħix il-Kap Eżekuttiv.

Minn perspettiva ekonomika, Borg innota li konnessjoni permanenti tikkontribwixxi biex Għawdex jiddiversifika l-ekonomija tiegħu li fil-preżent hija “dipendenti żżejjed” fuq it-turiżmu, il-kostruzzjoni u l-bejgħ tal-propjetà.

Aspett ewlieni tat-tħassib ta’ dan il-proġett hu l-isfreġju ambjentali  li dan jista’ jkollu fuq il-pajsaġġ uniku ta’ Għawdex. Skont il-proposti ppreżentati s’issa l-mina jkollha bokka fiż-żona rurali tal-Limbordin fil-Pwales f’Malta u bokk taħt it-Torri Ta’ Kenuna fin-Nadur. Barra minn hekk, il-proġett qed jiġi kkritikat għax hemm il-biża’ li jista’ jżid l-iżvilupp diġà allarmanti f’Għawdex.

Quddiem dan it-tħassib, il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra insista li proġett bħal dan ma jimplikax degradazzjoni ambjentali. Huwa ġab eżempju bil-mina Eysturoy li ġiet inawgurata reċentement fil-Gżejjer Faroe li hi twila 11-il kilometru. Minkejja d-daqs tiegħu, il-proġett kellu impatt minimu minkejja li jinsab f’żona ambjentalment sensittiva ħafna.

Fir-rigward tat-theddida li konnessjoni permanenti iżżid it-teħid ta’ art verġni għall-iżvilupp, il-GBC qal li din il-problema diġà saret “mhux tenibbli” minkejja li l-proġett għadu ma sarx.

“Żvilupp eċċessiv f’Għawdex qed iseħħ diġà u dan bl-ebda mod m’hu marbut mal-konnessjoni permanenti, iżda mal-politika ġenerali preżenti dwar l-ippjanar li qed tippermetti dan kollu”. Il-Kap Eżekuttiv żied li l-Kamra kienet diġà ppreżentat diversi soluzzjonijiet permezz ta’ position paper, li wħud minnhom ġew inklużi fid-dokument tagħha ta’ qabel il-budget.

Dawn jinkludu inċentivi aħjar għar-residenti Għawdxin biex jaqilbu għal vetturi elettriċi, roħs fil-tariffi tal-vapur għar-residenti Maltin li jaqsmu lejn Għawdex b’vetturi elettriċi u l-bidla tas-sistema tat-trasport pubbliku ta’ Għawdex għal karozzi tal-linja iżgħar u bl-elettriku, waqt li karozzi tal-linja kbar ikun fuq ir-rotot ewlenin. biss.

Il-GBC qed jipproponi wkoll li jibda l-proċess għall-iżvilupp għal konnessjoni bl-ajru bejn Għawdex u Malta u t-tkomplija bl-implimentazzjoni tal-proġett dwar il-konnessjoni permanenti.

Dwar l-ambjent, il-GBC qed tipproponi skemi għar-rinnovazzjoni ta’ djar antiki u biex ikunu aktar energy efficient. Barra minn hekk, qed titlob tnaqqis fit-taxxa f’każ ta’ proprjetajiet li jinxtraw għal rinnovazzjoni u mhux billi jkunu żviluppati mill-ġdid fi blokki ta’ appartamenti.