Ilmenti li l-proċess hu diżorganizzat

Ħaddiema fis-settur tas-saħħa li huma meqjusa bħala front liners fil-ġlieda kontra l-Covid-19 qed jilmentaw li mhux qed jitqassmu biżżejjed tilqimiet kif ukoll dwar il-mod “diżorganizzat” li bih qed tingħata t-tilqima.

Il-gvern wiegħed li sal-aħħar ta’ Jannar jingħataw madwar 20,000 doża inklużi anzjani ta’ aktar minn 85 sena, nofs il-ħaddiema kollha fil-kura tas-saħħa u madwar 60 fil-mija tar-residenti fid-dar tal-anzjani San Vinċenz de Paul.

Madankollu, il-messaġġi li UHM Voice of the Workers qed tirċievi mill-front liners jindikaw li l-pjan ta’ tilqim mhux qed jimxi kif mistenni.  Jirriżulta li f’xi djar għall-anzjani immexxija mill-Istat hemm nuqqas ta’ provisti tal-vaċċin.

“Fil-każ tagħna tellajna l-ismijiet bil-polza biex niddeċiedu min fost il-ħaddiema se jitlaqqam,” impjegat f’dar tal-anzjani tal-Gvern qal lil Voice of the Workers Weekly.

Sadattant fl-Isptar Mater Dei qed iqumu mistoqsijiet dwar l-istrateġija adottata mill-maniġment li tidher li qed takkomoda ċerti impjegati għad-detriment ta’ oħrajn, anke fl-istess kategorija. Dan is-sentiment kien jinħass b’mod speċjali fost il-ħaddiema tal-ambulanzi u r-radjografi, li t-tnejn li huma jiġu f’kuntatt dirett ma’ pazjenti infettati li jkunu rikoverati -isptar.

“Dawk il-ħaddiema ingaġġati mill-kuntrattur kollha ngħataw l-ewwel doża tal-vaċċin, iżda mhux dawk il-ħaddiema tal-ambulanzi li huma impjegati direttament mill-ministeru tas-saħħa. Għal xi raġuni l-proċess tat-tilqim għal tal-aħħar qed isir bil-mod għax żewġ ħaddiema biss kuljum qed jingħataw l-ewwel doża,” sorsi qalu.

Il-mistoqsijiet komplew iqumu wara li sar magħruf li qraba ta’ tobba fid-dipartiment tal-emerġenza diġà ġew offruti l-vaċċin qabel il-ħaddiema tal-kura tas-saħħa nfushom.

“Għalkemm m’għandna xejn kontra deċiżjoni bħal din, għad irridu nifhmu fuq liema bażi il-qraba ta’ xi wħud u mhux tal-front liners kollha qed jiġu offruti l-vaċċin meta aħna għadna lanqas biss ħadnih. Jidher li mhux ma kulħadd qed jimxu bl-istess riga,” ħaddiema fl-Isptar Mater Dei qalu.

Kategorija oħra ta’ front liners li għal xi raġuni għadhom ma ġewx imlaqqma kollha huma r-radjografi li fost id-dmirijiet tagħhom hemm li jieħdu x-ray ta’ pazjenti infettati bil-Covid-19.

“Minbarra li ninsabu esposti għall-virus, hemm nuqqas ta’ radjografi biex ilaħħqu man-numru ta’ pazjenti li qed jiddaħħlu l-isptar.  Tal-inqas konna nistennew li nkunu mlaqqma kollha kemm jista’ jkun malajr mhux biss għall-protezzjoni tagħna stess imma wkoll biex niżguraw li ma jintlaqatx is-servizz,” huma qalu.

Fl-aħħar jiem l-awtoritajiet tas-saħħa kien kkritikati mill-unjin tat-tobba minħabba r-ritmu kajman tal-programm ta’ tilqim. Il-gvern, madankollu, insista li kellu l-loġistika f’postha biex jingħataw sa 10,000 doża kuljum. Fl-istess ħin, tefa l-ħtija fuq il-produtturi tal-vaċċin, għax qal li ma kienu qed jibgħatu inqas mill-ammonti miftehma.

F’isem it-trasparenza il-pubbliku jistenna l-kriterji li bihom qed jitmexxa l-pjan biex tingħata t-tilqima ikunu komunikati mill-Gvern.