Id-deċiżjoni tat-tneħħija tal-konsulent tas-saħħa pubblika Kenneth Grech ftit jiem biss wara li ta l-parir biex ikun pospost il-ftuħ tal-iskejjel wara l-btajjel tal-Milied hi waħda xokkanti, ta’ tħassib kbir, jekk mhux tal-mistħija. Dan kollu kompla joħloq dubju fuq kemm il-professjonisti mediċi li qed jiġġieldu kontra din il-pandemija qed jitħallew jagħmlu xogħolhom. L-unjin tat-tobba akkużat lill-Gvern b’dik li sejħet “intimidazzjoni” fil-konfront ta’ kull min fil-professjoni medika mhux qed ibaxxi rasu għad-deċiżjonijiet politiċi, fosthom li ċerti kunsiderazzjonijiet ekonomiċi jitpoġġew qabel is-saħħa pubblika.  

F’pajjiż fejn is-saħħa pubblika tkun l-ogħla prijorità ċertu kompromessi ma jsirux. Kif jista’ qatt ikun ġustifikat li ssir tombla għall-anzjani allegatament bil-barka tal-awtoritajiet, f’ċirkostanzi fejn il-pandemija ħalliet mal-250 vittma li kważi kollha huma nies ta’ età avvanzata? Kif qatt jista’ jkun li eluf ta’ Maltin jaqsmu għal Għawdex bejn il-Milied u l-Ewwel tas-Sena u jorganizzaw il-festini  b’riskju ċar li l-pandemija tkompli tinfirex? Jista’ xi ħadd jispjega kif f’Marzu li għadda meta l-każi kienu ferm inqas, il-Gvern kien wissa li ma kienx żmien il-weekend breaks f’Għawdex, iżda issa qisu xejn m’hu xejn? Jista’ xi ħadd jispjega kif meta s-sitwazzjoni kienet ferm iktar taħt kontroll l-iskejjel ingħalqu iżda issa qed jintqal li l-iskejjel miftuħin jgħinu biex il-virus ma jinfirixx?

Fuq l-aħħar punt jidher li l-istorja hi kemxejn differenti minn dak li ntqal b’mod uffiċjali mill-awtoritajiet tas-saħħa. Jirriżulta li kien hemm t-twissija ċara kontra l-ftuħ tal-iskejjel wara l-festi tal-Milied fost sinjali ċari li kien se jkun hemm żieda qawwija ta’ każi ġodda. Il-gvern webbes rasu  u għal xi raġuni ma riedx li għall-ewwel ftit jiem it-tagħlim isir fuq l-internet. Dan wassal għall-konfrontazzjoni mal-għalliema li ħarġu fuq strajk. L-ikbar telliefa kienu l-istudenti li tilfu jumejn skola. Il-gvern kien bħal donnu qed idaħħal rasu fir-ramel u jinjora s-sitwazzjoni minflok ikun onest mal-poplu, akkost li jżomm mal-mantra lis-sitwazzjoni kienet sejra lura għan-normal ladarba kien wasal il-vaċċin. Iżda r-realtà kienet kompletament bil-maqlub tant li kien hemm livell rekord ta’ kważi 250 każ f’ġurnata waħda biss.

Iffaċċjat bi kritika li ma kienx qed jieħu s-sitwazzjoni bis-serjetà li jistħoqqilha, il-Gvern flok rattab il-pożizzjoni jidher li kompla jgħoddos rasu. Ftit jiem ilu smajna bit-tneħħija tal-espert li kien wissa kontra l-ftuħ tal-iskejjel.  Flok ta widen lill-parir ibbażati fuq l-evidenza xjentifika l-gvern pattiha lil min ipprova jiftaħlu għajnejh. Manuvri bħal dawn ma jawguraw tajjeb xejn għall-paċi industrijali u d-demokrazija. Il-prezz tal-indħil politiku fis-saħħa pubblika fl-aħħar mill-aħħar iħallsu l-poplu. Iċ-ċifri tal-aħħar jiem jitkellmu waħidhom.