Minkejja ż-żieda ta’ €9.90 fil-ġimgħa, dawk li jaqilgħu paga minima f’Malta kellhom l-inqas żieda madwar l-UE fl-2023 b’żieda modesta ta’ 5.4% fis-salarju tagħhom li tela’ għal €835. Barra minn hekk, iż-żieda diġà ttieklet bl-għoli tal-ħajja (HICP) li kienet ta’ 7.29%.

Din l-istatistika ġiet ippubblikata mill-Eurofound fl-analiżi annwali tagħha dwar il-pagi minimi madwar l-UE fejn iż-żidiet laħqu l-ogħla livell. Madankollu, bħal fil-każ ta’ Malta, f’ħafna pajjiżi oħra l-purchasing power tal-ħaddiema xorta naqas minħabba r-rata eċċezzjonalment għolja tal-inflazzjoni. Il-Eurofound qed tbassar li r-rati ta’ inflazzjoni se jibqgħu għoljin, li jfisser li l-pagi minimi mistennija jitnaqqru aktar sa tmiem din is-sena.

Fl-2023 iż-żidiet nominali (mingħajr l-effett tal-inflazzjoni) fil-pagi minimi madwar l-UE kienu b’marġni kbar f’pajjiżi bħall-Latvja (24%), il-Ġermanja (22.2%) u l-Bulgarija (20%) filwaqt li kienu l-inqas f’Malta b’4.5% u fil-Lussemburgu b’5.8%. F’Ċipru ma kien hemm l-ebda żieda għas-sempliċi raġuni li l-paga minima għadha kif ġiet introdotta għall-ewwel darba u hi ta’ €885. Bħala medja, il-paga minima żdiedet bi 12% madwar l-UE, li hu d-doppju tal-2022.

L-inflazzjoni tiekol iż-żieda

Minkejja ż-żidiet rekord, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet dan ma kienx biżżejjed biex jikkumpensa għaż-żieda fl-għoli tal-ħajja. L-uniċi pajjiżi fejn iż-żieda fil-paga minima f’termini reali kienet ogħla minn 1% kienu l-Latvja, il-Ġermanja, ir-Rumanija, il-Belġju u s-Slovenja. Min-naħa l-oħra fiċ-Ċekja l-inflazzjoni (16.78%) kienet kważi tliet darbiet iktar miż-żieda fil-paga minima (9.79%). Diskrepanzi notevoli oħra ġew irreġistrati fl-Ungerija, il-Litwanja, l-Estonja, is-Slovakkja, il-Portugall u Malta.

Pajjiżi oħra kif indirizzaw iż-żieda eċċezzjonali fl-inflazzjoni?

  • F’Malta l-inflazzjoni hija indirizzata mill-mekkaniżmu ta’ allowance għall-għoli tal-ħajja (COLA) u fl-2023 din fissret żieda ta’ €9.90 fil-ġimgħa. Madankollu, iċ-ċirkostanzi uniċi wasslu lill-gvern biex jintroduċi mekkaniżmu ieħor biex jgħin familji vulnerabbli bi dħul baxx. Madankollu, mhux dawk kollha li jaqilgħu il-paga minima neċessarjament jikkwalifikaw għal din il-miżura l-ġdida.
  • Tliet Stati Membri – il-Belġju, Franza u l-Lussemburgu – għandhom mekkaniżmi ta’ indexing awtomatiku biex jiżguraw li l-pagi minimi statutorji jiġu aġġornati skont l-inflazzjoni. Il-Belġju kellu sitt żidiet wara Jannar 2022, ħamsa minnhom minħabba l-l-indexing. L-aħħar żidiet saru f’Novembru u f’Diċembru, u ma ġiet applikata l-ebda żieda oħra f’Jannar.
  • Fi Franza, saru żewġ żidiet addizzjonali ibbażati fuq il-formula ta’ indexing regolari fl-2022.
  • Il-Lussemburgu applika żieda addizzjonali waħda bħala riżultat tal-indexing awtomatiku iżda ippospona t-tieni żieda bi 12-il xahar, abbażi ta’ ftehim bejn l-imsieħba soċjali, bl-argument li dan jiżgura l-stabbiltà għall-kumpaniji. Madankollu, f’Jannar 2023, il-paga minima statutorja ġiet aġġornata.

Anke jekk l-inflazzjoni li qed tiżdied tonqos fl-2023, x’aktarx li tibqa’ ferm ogħla mill-mira ta’ stabbiltà tal-prezzijiet ta’ 2% fis-sena, u jista’ jkun li s-saħħa tal-pagi se tkompli tonqos, sakemm ma jkunx hemm żidiet oħra matul is-sena.

Ara r-rapport tal-Eurofound hawn.