Il-Parlament approva d-deċiżjoni biex jinbdew negozjati dwar miżuri ġodda biex jittejbu l-kundizzjonijiet għall-ħaddiema fuq pjattaformi tax-xogħol diġitali.

376 MPE ivvutaw favur il-mandat għal taħditiet mal-Istati Membri, 212 ivvutaw kontra u 15 astjenew. In-negozjati dwar il-liġi l-ġdida jistgħu jibdew ladarba l-istati membri jiddeċiedu dwar il-pożizzjoni tagħhom stess.

Ir-regoli l-ġodda jirregolaw kif jiġi ddeterminat b’mod korrett l-istatus tal-impjieg tal-ħaddiema tal-pjattaformi u kif il-pjattaformi tax-xogħol diġitali jeħtieġ li jużaw algoritmi u intelliġenza artifiċjali biex jimmonitorjaw u jevalwaw il-ħaddiema.

Il-mandat għan-negozjati tħabbar fil-plenarja mill-President Metsola it-Tnejn 16 ta’ Jannar. Peress li wieħed minn għaxra tal-MPE (magħmul minn grupp politiku wieħed jew aktar jew Membri individwali, jew kombinazzjoni tat-tnejn) oġġezzjonaw għalih fi żmien 24 siegħa, il-votazzjoni kienet meħtieġa mill-kamra plenarja (Artikolu 71 tar-Regoli ta’ Proċedura).