L-iżvilupp urban, il-wirt kulturali, is-saħħa, l-edukazzjoni, l-impjiegi, it-trasport, u l-ekonomija diġitali huma oqsma ewlenin ta’ strateġija li qed tkun proposta mil-gvern għal żvilupp sostenibbli għat-tliet deċennji li ġejjin. Dawn il-miri ambizzjużi huma elenkati fl-Istrateġija ta’ Żvilupp Sostenibbli ta’ Malta għall-2050 li bħalissa tinsab għal konsultazzjoni pubblika. F’pajjiż fejn pjanijiet li ma jitwettqux f’temp ta’ leġiżlatura ta’ ħames snin (għaliex ma jkunux jistgħu jissarrfu f’voti fl-elezzjoni ġenerali) normalment lanqas biss ikunu kunsidrati, mossa bħal din għandha tiġi mfaħħra. Min-naħa l-oħra, l-ippjanar għas-snin bil-quddiem jista’ jkollu l-iżvantaġġi  tiegħu peress li sa meta din l-istrateġija suppost tagħti fil-frott, min ikun wellidha aktarx ma jkunx għadu involut. Għalhekk, jista’ jkun hemm kwistjoni ta’ responsabbiltà u kontabbiltà.

Madankollu, jekk kunsiderazzjonijiet bħal dawn jitwarrbu u niffukaw esklussivament fuq l-aspetti ewlenin ta’ din l-istrateġija hemm fattur ewlieni li jeħtieġ li jingħata l-importanza li jixraqlu: it-tkabbir tal-popolazzjoni. Meta wieħed iqis li fl-aħħar għaxar snin il-popolazzjoni ta’ Malta telgħet b’100,000, strateġija li tinjora aspett bħal dan hija x’aktarx li se tfalli. F’dan ir-rigward id-dokument ta’ konsultazzjoni jirrikonoxxi din il-kwistjoni u jelenka r-riperkussjonijiet li żieda fil-popolazzjoni ġġib magħha speċjalment f’pajjiż b’densità tal-popolazzjoni daqshekk għolja. L-istrateġija tisħaq li tkabbir fil-popolazzjoni jaffettwa t-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi, id-distribuzzjoni tad-dħul, il-faqar, il-protezzjoni soċjali u l-pensjonijiet. Bidliet bħal dawn ipoġġu wkoll pressjonijiet fuq l-infrastruttura, l-akkomodazzjoni, is-sistemi tas-saħħa u l-edukazzjoni u s-servizzi. Barra minn hekk, ikun hemm impatt ukoll fuq l-ambjent kif ukoll is-sostenibbiltà tal-bliet u l-irħula tagħna. Madankollu, l-istrateġija tevita il-mistoqsija ewlenija ta’ dibattitu bħal dan: X’inhu l-pjan tal-gvern dwar il-popolazzjoni għat-tliet deċennji li ġejjin? Dan is-sentiment joħroġ mill-miri rispettivi li suppost qed jittrattaw din il-kwistjoni għax dawn sempliċiment jgħidu li l-popolazzjoni qed tinbidel u għalhekk il-ħtiġijiet attwali u futuri tagħha għandhom jiġu indirizzati.

Min-naħa l-oħra, tindika li l-influss ta’ barranin – li jvarjaw minn dawk sinjuri jew sempliċiment ħaddiema inklużi ċittadini ta’ pajjiżi terzi – għandu jkompli għaddej. Fil-fatt, wieħed mill-għanijiet proposti huwa li jissaħħu l-programmi ta’ residenza u tingħata aktar assistenza lil min iħaddem biex jattira ħaddiema barranin biex jimlew ċert nuqqasijiet fil-ħiliet preżenti fil-popolazzjoni u jindirizzaw in-nuqqas ta’ ħaddiema. F’dan ir-rigward ikun interessanti li wieħed jifhem kif aktar barranin se jagħmluha possibbli biex ikun hemm tkabbir sostenibbli għall-ġenerazzjoni futura.

Kif jista’ jintlaħaq għan bħal dan filwaqt li fl-istess ħin wieħed jimmira li jonqos it-traffiku, it-tniġġis, il-prezzijiet tad-djar jibqgħu affordabbli, u jitħares l-ambjent? X’inhuma l-pjanijiet tal-gvern għas-sistema tat-trasport pubbliku tal-massa, l-ippjanar urban, il-provvista tal-ikel u s-sistema tal-kura tas-saħħa?

Li tipprova tbassar b’mod preċiż is-sitwazzjoni f’Malta fi żmien 27 sena hija biċċa xogħol ferm diffiċli jekk mhux prużuntuża, iżda fl-istess ħin biex pjan ikollu ċans tajjeb li jirnexxi u ma jkunx biss lista ta’ xewqat, m’għandux ikun eżerċizzju nidhru li qed nagħmlu xi ħaġa. Għandu jkun pjan b’saħħtu ibbażat fuq ir-riżultati konkreti u kontinwi.